Il-Ħamis għal ħabta tal-10:20 ta' filgħaxija, ħabta u sabta kull min jgħix Brussell spiċċa fi dlam ċappa. Kull residenza u t-toroq kollha ta' Brussell spiċċaw fid-dlam. Il-kumpanija Sibelga li tmexxi s-servizzi tal-elettriku u l-gass, u Elia l-operatur tal-'power network' ikkonfermaw dan u li kien hemm xi ħsara teknika fejn bagħtu l-ħaddiema tagħhom kollha biex jirranġaw din il-ħsara li tranġat wara xi sigħat, meta reġa' rritorna sigħat wara mal-lejl.
Iċ-ċittadini ta' Brussell spiċċaw imwerwrin li seta kien hemm xi attakk terroristiku li kkawża dan il-'blackout' fejn anke s-sigurtà tal-pajjiż kienu fuq 'alert' u wieħed seta' jisma' sireni jdoqqu f'kull triq ta' Brussell. Għalhekk, l-operaturi ħarġu stqarrija mill-ewwel li dan ma kienx attakk terroristiku iżda ħsara f'sub station tagħhom.
Ikolli ngħid li personalment ħassejt ċertu biża' u paniku iżda fl-istess ħin ftakart f'jumejn ilu meta Malta wkoll inqata' d-dawl u bejni u bejn ruħi għidt bi tbissima, "qed tara esportajna l-Presidenza tagħna fi Brussell. Il-qtugħ tad-dawl donnu li kien waħda mill-prijoritajiet!"
Apparti ċ-ċajt, dan ifisser ukoll li int fejn int fid-dinja, ħsara tiġri kullimkien u l-bniedem sar jiddependi wisq mill-elettriku.