Serq mill-ATMs | Kriminalità assoċjata mal-MAFJA

  • Jisirqulek id-dettalji tal-karta tal-kreditu u jagħmlu ‘clone’ tagħhom f’postijiet assoċjati mal-mafja
  • Il-ħallelin ma jdumux fil-pajjiż fejn iwettqu l-kriminalità biex ma jħallux traċċi warajhom
  • Jintużaw ‘membership cards’ u ‘keycards’ biex fuqhom tiġi kkupjata informazzjoni misruqa minn karti tal-kreditu

L-ILLUM tista’ tiżvela kif numru mill-kriminali li hemm wara s-serq u frodi ta’ kards minn ATMs madwar il-pajjiż jista’ jkollhom mal-mafja jew ma’ postijiet li minnhom topera.

Sorsi mill-Pulizija żvelaw il-kriminali qed jużaw kompjuters, ‘software’ u ‘card readers’ apposta biex ikunu jistgħu jagħmlu karti tal-kreditu kklownjata b’hekk jużaw id-dettalji tal-karti tal-kreditu misruqin mill-ATMs.

Dan il-proċess ġieli jsir f’postijiet u fabbriki assoċjati mal-mafja.
Ħallelin, b’mod partikolari minn pajjiżi mil-Lvant u assoċjati fi ċrieki kriminali madwar l-Ewropa, qed jiġu Malta biex iwettqu kriminalità bi frodi billi jinstallaw tagħmir ma’ ATMs li permezz tiegħu jisirqu l-informazzjoni bankarja u aktar tard jisirqu l-flus.

Kienet il-gazzetta ILLUM li nhar il-Ħadd l-1 ta’ Ottubru 2017 żvelat storja ta’ persuna li kienet ġiet iffrodata €500, wara li kienet għamlet użu mill-karta tal-kreditu f’ATM li magħha l-kriminali kienu installaw skimmer.

Is-sors li tkellem ma’ din il-gazzetta kkonferma illi l-iskimmer huwa biss wieħed mill-għodda li dawn il-kriminali qed jużaw biex jakkwistaw l-informazzjoni bankarja b’qerq. Dan l-iskimmer, li jkun replika kważi perfetta tal-apertura minn fejn tiddaħħal il-karta tal-kreditu, normalment jitpoġġa mal-ATM.

Qed jintużaw ukoll mezzi oħra bħalma huma kameras u ‘keypads’ li jitpoġġew fuq il-‘plate’ tal-‘keypad’ fejn persuna trid tikteb il-PIN tal-karta tal-kreditu biex taċċessa l-kont.

Minn informazzjoni li ngħatat lil din il-gazzetta jirriżulta li ġeneralment minn xahar sa xahrejn qabel, dawn il-kriminali jibdew jiġbru d-‘data’ personali tal-vittmi bl-għodda li jkollhom, billi dawn jiġu installati ma’ ATMs.

Kull persuna f’dawn iċ-ċrieki kriminali jkollha l-irwol tagħha; min jakkwista u jipprovdi t-tagħmir li jeħtiġilhom, min jinstallahom mal-ATMs, min jiġborhom lura u min jitrasferixxi d-‘data’ li jakkwistaw f’’cards’ oħra magħrufa bħala ‘cloned cards’.

“Sabiex jagħmlu dawn il-‘cloned cards’, il-kriminali jużaw kompjuters, software u ‘card readers’ apposta", spjegat magħna l-persuna li- kellmet mal-ILLUM.

Il-kriminali l-ewwel jakkwistaw jew jisirqu ‘membership cards’ ta’ ħwienet jew ċwievet ta’ lukandi fil-forma ta’ cards, imbagħad jitfgħu d-dettalji misruqin fuq dawn l-istess cards.

Mal-ILLUM ġie spjegat li dan il-proċess jista’ jseħħ kemm il-darba l-‘membership cards’ jew ‘keycards’ ikollhom ‘magnetic strip’. Id-‘data’ li tkun inġabret mill-kriminali, is-soltu tkun miżmuma fiċ-ċippa tal-‘cards’ tal-bank bħalma huma pereżempju l-Visa jew il-Mastercard.

Ftit mill-għodda li l-kriminali jużaw biex jikklownjaw il-cards
Ftit mill-għodda li l-kriminali jużaw biex jikklownjaw il-cards

Qed jagħmlu l-miljuni minn frodi f’lejl wieħed biss

Permezz ta’ dan il-proċess in-numru tal-PIN u l-informazzjoni bid-dettalji tal-kontijiet bankarji tal-vittmi jgħaddu kollha fuq din il-‘cloned card’ u b’hekk tkun tista’ tintuża biex jinsterqu l-flus, li ħafna drabi lanqas biss tkun taf li qed tinsteraq qabel ma ssib flus neqsin li ma tkunx għamlet użu minnhom hi.

Il-‘cloned cards’ li jsiru mill-ħallelin jiġu mibjugħa madwar id-dinja u dan ifisser li f’lejl wieħed biss jirnexxilhom jagħmlu l-miljuni fi frodi minn dan l-att kriminali.

Maż-żmien dawk milquta jibdew jaraw li l-kontijiet bankarji tagħhom aċċessati minn pajjiżi oħra madwar id-dinja kollha u mhux biss Ewropej. Jaraw tranżazzjonijiet minn pajjiżi bħalma huwa l-Vjetnam, l-Indja, fil-Lvant tal-Ewropa u saħansitra mill-Istati Uniti.

Il-kriminali jimxu minn pajjiż għall-ieħor biex ma jħallux traċċi

Dawn il-kriminali ma jdumux f’pajjiż wieħed, jiġu u jitilqu fi ftit jiem, jekk mhux f’ġurnata, biex ma jħallux traċċi warajhom. Għalhekk ikun ferm diffiċli li jinqabdu u l-Pulizija trid tagħmel ġimgħat jekk mhux xhur sħaħ ta’ osservazzjoni biex tkun tista’ tarrestahom.

Hawnhekk allura tilgħab irwol kruċjali l-informazzjoni li tinqasam bejn il-Pulizija tal-pajjiżi differenti fl-Unjoni Ewropea, li tgħin sabiex jiġu identifikati dawn il-kriminali. Il-komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni miksuba ssir ukoll b’mod speċjali permezz tal-EUROPOL.

Fil-fatt informazzjoni li akkwistaw il-Pulizija f’Malta mingħand il-EUROPOL wasslet biex fil-jiem li għaddew saru arresti ta’ din ix-xorta.

Iktar kmieni din il-ġimgħa Rumen ta’ 42 sena nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti u kien mixli li ġibed b’€10,000 minn ATM fl-Imsida bl-użu ta’ ‘cloned cards’.

L-akkużat kien stqarr li ma kienx ħati tal-akkużi mressqa kontrih fosthom li kien f’ċirku kriminali, li kellu oġġetti li jintużaw għall-frodi, li ffroda b’aktar minn €5,000 u li kellu dokumenti foloz.

Kien akkużat ukoll li kellu informazzjoni u ‘data’ mhux awtorizzata. Jirriżulta li l-Pulizija ngħatalhom filmati li allegatament juru lill-akkużat jiġbed il-flus. Id-difiża ma kinitx talbet il-ħelsien mill-arrest.

F’każ ieħor simili, tressqu arrestati żewġ Bulgari li kienu akkużati li kellhom tagħmir li bih serqu d-dettalji minn ATMs. Huma kienu akkużati fost l-oħrajn li kienu parti minn ċirku kriminali u li kellhom oġġetti li jintużaw għall-frodi.

Il-Pulizija arrestat liż-żewġ Bulgari f’rejd li sar fi blokka appartamenti f’San Ġiljan wara l-informazzjoni mill-EUROPOL. Iż-żewġ Bulgari nżammu arrestati.

L-ILLUM hija infurmata li din is-sena l-Pulizija arrestaw sitt persuni assoċjati ma’ każijiet bħal dawn, li kienu tliet Rumeni u tliet Bulgari.

Dawn il-każijiet ta’ frodi jispiċċaw jagħmlu pressjoni wkoll fuq il-banek li jkollhom jaġġornaw il-miżuri ta’ sigurtà użati u jinstallaw karatteristiċi ġodda fl-ATMs biex il-banek jipproteġu l-klijenti.

Bħalma jingħad fl-avviżi li l-banek regolarment jagħmlu jkun ferm utli wkoll li persuna taġġorna l-‘passwords’ għall-aċċess bankarju speċjalment fuq l-internet.

More in Kronaka