Il-Moviment Graffitti ppubblika filmat qasir biex jisħaq li l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) naqset milli tirrevedi l-politika dwar il-pompi tal-petrol, li fi kliem il-Moviment tinċentiva “l-bini ta’ kumplessi kummerċjali massivi, taparsi pompi tal-petrol, fuq art agrikola u naturali barra ż-żoni tal-iżvilupp.
Fi stqarrija, il-Moviment saħaq li hemm 16-il applikazzjoni għal pompi tal-petrol f'ODZ, b’erbgħa minnhom diġà ġew approvati u l-oħrajn għadhom qed jiġu ipproċessati.
“Flimkien, dawn ikopru ammont ta’ art li fiha daqs sitt darbiet il-Fosos tal-Furjana,” tkompli l-istqarrija.
Kompla jfakkar li għaddiet sena minn meta l-Ministru għall-Ambjent iddikjara li l-Fuel Service Station Policy tal-2015 hija ħażina u hemm bżonn tiġi riveduta.
Kompla jisħaq li tul dan iż-żmien, il-Moviment Graffitti u għaqdiet oħrajn wettqu diversi azzjonijiet, inkluż żewġ azzjonijiet diretti ġewwa l-bini tal-PA, biex jitolbu r-reviżjoni immedjata ta' din il-politika u iktar minn 1,100 individwu bagħtu wkoll imejl lill-awtoritajiet sabiex jesprimu l-għadab tagħhom għal din il-politika u għan-nuqqas ta' azzjoni mill-PA biex din tinbidel.
“Hija xi ħaġa inkredibbli li l-PA qed tieħu tul esaġerat ta' żmien sabiex tagħmel bidla daqshekk sempliċi fil-policy. Iċ-Chairperson Eżekuttiv tal-PA, Johann Buttigieg, iddikjara f'Novembru li abbozz tal-policy riveduta kien lest biex joħroġ għall-konsultazzjoni pubblika. Iżda laħaq għadda xahar ieħor u dan għadu ma ġiex ippubblikat,” kompla l-Moviment.
Il-Moviment Graffitti wera wkoll it-tħassib tiegħu għax fi kliemu “l-PA tista' tuża l-proċess ta' konsultazzjoni pubblika biex tkompli tippostponi r-reviżjoni ta' din il-politika billi, pereżempju, tieħu żmien twil ħafna biex toħroġ il-politika finali riveduta wara li jagħlaq il-perjodu ta' konsultazzjoni.
Għalhekk, il-Moviment Graffitti appella lill-PA biex mhux biss tippubblika il-politika riveduta għall-konsultazzjoni immedjatament, imma wkoll tagħti data meta din il-politika finali, riveduta, se tidħol fis-seħħ.