Ilbieraħ filgħaxija, il-Pulizija arrestat tlett irġiel li kienu qed jużaw binja fi Triq it-Tiġrija fil-Marsa biex allegatament jitraffikaw id-droga f’ħinijiet differenti tal-ġurnata.
Ir-rejd seħħ ilbieraħ filgħaxija wara ġimgħat ta’ osservazzjoni mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga. Ilbieraħ, din l-Iskwadra kienet assistita mill-Ispecial Intervention Unit u mill-Pulizija tat-Traffiku li għalqu t-toroq tal-inħawi.
Waqt ir-rejd, ġew arrestati raġel ta’ 34 sena mill-Ħamrun, raġel ta’ 46 sena mill-Imsida u żagħżugħ ta’ 29 sena minn Wied il-Għajn.
Fil-binja instabu diversi qratas bi trab abjad u kannella li allegatament huma kokaina u eroina rispettivament.
Instabu wkoll qratas bi pjanta tal-kannabis. Dawn kollha kienu lesti biex jiġu ttraffikati.
Fil-binja instabu wkoll mwieżen elettroniċi u oġġetti oħra relatati mal-konsum u t-traffikar tad-droga.
Bil-każ kien infurmat il-Maġistrat tal-Għassa li fetaħ inkjesta.
It-tlett irġiel qed jinżammu arrestati għal aktar stħarriġ.