Raġel ta' 33 sena mill-Ghana kien arrestat b'rabta ma' allegat traffikar ta' droga sintetika u kannabis.
Ilbieraħ għall-ħabta tal-4:45p.m. waqt li l-Pulizija kienu fuq ronda fi Ġnien Patri Feliċjan Bilocca, innotaw movimenti suspettużi ta' rġiel. X'ħin induna bil-preżenza tal-Pulizija huwa ħarab jiġri minn fuq il-post, il-Pulizija ġrew warajh u ordnawlu biex jieqaf.
Madankollu, hu baqa' jiġri sakemm inqabad u ġie arrestat ftit tal-mumenti wara. Minn tfittxija li saret, irriżulta li r-raġel kien fil-pussess ta' diversi qratas b'sustanzi suspettati droga sintetika u kannabis kif ukoll ammont ta' flus kontanti.
Huwa qed jinżamm fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Floriana biex jassisti fl-investigazzjonijiet u mistenni jitressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin.