Il-Gvern jalloka €680,000 lil 22 NGO li qed iwettqu proġett fil-komunita'

Fix-xhur li ġejjin 29 NGO se jwettqu bejniethom total ta’ 23  proġett differenti fil-komunità wara li kkwalifikaw għall-fondi taħt l-iskema VOPs (Voluntary Organisations Projects Scheme). F’ċerimonja fil-bini tal-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, fejn kienu ppreżentati l-grant agreements lill-NGOs, il-Ministru Helena Dalli qalet li b’kollox il-Ministeru qed jalloka s-somma ta’ €682,330.

Il-Ministru Dalli qalet li l-NGOs li l-proġetti tagħhom kwalifikaw għall-fondi huma kollha affiljati mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-NGOs u pprovdew id-dokumentazzjoni kollha mitluba.

Il-proġetti jkopru aspetti varji u jinkludu programmi ta’ taħriġ għall-immigranti, programmi biex jippromwovu t-tagħlim tal-mużika fil-każini tal-baned, programmi biex jippromwovu għarfien ambjentali, programmi sportivi, inizjattivi legali biex ikunu megħjuna gruppi vulnerabbli, ħolqien ta’ cartoons u kumpaniji ta’ għarfien biex jippromwovu soċjetà inklussiva u proġett li jindirizza materji ta’ diżabilità.

Is-Segretarju Permanenti s-Sur Joseph Camilleri spjega kif din is-sena nbidlet is-sistema ta’ kif jintgħażlu u jiġu evalwati l-applikazzjonijiet fejn l-evalwazzjonijiet saru minn numru ta’ persuni indipendenti li għalihom inħarġet sejħa apposta. Qal li f’dan il-proċess kien anke involut il-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju biex tkun assigurata t-trasparenza, speċjalment fid-dawl tar-rapport tal-Awditur Ġenerali tal-2012 li kien ikkritika l-mod ta’ kif kienu qed jintgħażlu l-applikazzjonijiet taħt amministrazzjoni preċedenti.

Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju Nathan Farrugia rringrazzja lill-Ministeru għall-investiment li qed jagħmel fil-volontarjat li fi kliemu qed jagħti l-frott. Nathan Farrugia faħħar il-kwalità tal-proġetti li qed jiġu sottomessi u ddeskrivihom bħala ta’ kwalità u aktar professjonali.

L-NGOs li kkwalifikaw għall-fondi huma:Write Deal Association, Paulo Freire Institute, St Jeanne Antide Foundation, Foundation for Shelter and Support of Migrants, Move, Aditus Foundation, Spiru Mizzi Foundation, Teatru Salesjan, Malta Red Cross, Żagħżagħ Azzjoni Kattolika, SOS Malta, Third World Group, Soċjetà Filarmonika Santa Marija, Ċentru Tbexbix, Malta LGBTIQ Rights Movement u Fondazzjoni Inspire.

 

L-iskema VOPs qed titmexxa mill-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju.

More in Politika