Il-libelli ta' Konrad Mizzi u Keith Schembri diferiti għal Ottubru

L-avukati ta' Konrad Mizzi u Keith Schembri talbu lill-Qorti biex il-libelli miftuħa minnhom ikunu diferiti għax għad iridu jixhdu f'inkjesti maġisterjali

Il-libelli miftuħa mill-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, kontra l-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil u Daphne Caruana Galizia dwar il-każ tal-Panama Papers, ġew diferiti għal Ottubru fuq talba tagħhom stess.

L-avukati ta’ Mizzi u Schembri talbu li x-xhieda tal-klijenti tagħhom tingħata wara li jkunu xehdu fl-inkjesti maġisterjali pendenti u li huma relatati mal-istess libelli.

Kemm Keith Schembri u anke Simon Busuttil kienu preżenti l-Qorti, fejn Schembri kellu jixhed quddiem il-Maġistrat Francesco Depasquale.

Minkejja dan, l-avukat tiegħu talab li l-każ ikun diferit għax Schembri għadu ma tax ix-xhieda tiegħu fi tliet inkjesti Maġisterjali.

L-avukat saħaq li ġaladarba l-inkjesti huma relatati mal-libelli, il-proċeduri għandhom ikunu diferiti biex ma jinkisirx id-dritt ta’ Schembri li jkollu smigħ xieraq.

L-avukat Fenech, li kien qed jidher għal Busuttil qal li l-inkjesti qed jinstemgħu wara l-bibien magħluqa u għalhekk Simon Busuttil ma jistax ikun jaf x’qed jgħid Schembri jew inkella fejn waslet l-inkjesta.

Minkejja dan,  il-Qorti laqgħet din it-talba u l-libelli se jinstemgħu fit-8 ta’ Ottubru li ġej.

B’referenza għal din id-deċiżjoni, l-avukat Pawlu Lia, li qed jirrappreżenta lil Keith Schembri u lill-Prim Ministru Joseph Muscat, f’libelli separati kontra Caruana Galizia, talab ukoll biex il-libelli jiġu diferiti.

L-istess talba saret minn Aaron Mifsud Bonnici li qed jidher għal Konrad Mizzi f’libell kontra Caruana Galizia, ġaladarba anke Mizzi għadu jrid jixhed f’inkjesta

L-Avukat Joe Zammit Maempel, li qed jidher għall-familja ta’ Caruana Galiziz staqsa jekk Mizzi hux qed ikun investigat kriminalment jew inkella hux sempliċiment xhud waqt li saħaq li jekk dan huwa l-każ, ma hemm l-ebda raġuni biex il-każ ikun diferit.

Minkejja dan, il-Qorti laqgħet it-talba ta’ Mizzi u l-każ kien diferit għal 15 ta’ Ottubru.

More in Politika