‘Il-Gvern ma jistax jgħin lill-każini a skapitu tas-sidien’

L-ILLUM titkellem mal-Avukati Jason Azzopardi u Alex Sciberras dwar l-emenda tal-Gvern biex jgħin lill-każini tal-banda li jistgħu jispiċċaw bla każin

Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li l-Gvern għandu l-obbligu morali u soċjali li jirrikonoxxi l-kontribut essenzjali li l-każini tal-baned jaqdu fis-soċjetà kemm mill-aspett kulturali kif ukoll fis-settur tal-volontarjat.

Madanakollu, insista li filwaqt li l-Gvern jeħtieġ jgħin konkretament lill-każini tal-baned, ma jistax jagħmel dan a skapitu ta’ terzi persuni, fosthom l-interess tas-sidien.

Huwa qal dan mal-gazzetta ILLUM meta kien qed jitkellem dwar l-emenda li ressaq il-Gvern għall-Kodiċi Ċivili, bil-għan li jgħin lill-każini tal-baned li qed jaffaċċjaw ordni ta’ żgumbrament, liema emenda ma niżlitx tajjeb ma’ kulħadd.

Kienet din il-gazzetta li żvelat din l-emenda, li jekk tidħol fis-seħħ, se tkun tfisser xaqq ta’ tama għas-Soċjetà Filarmonika Fra Antoine De Paule, li sal-aħħar ta’ Settembru kienet ordnata mill-Qorti biex tiżgumbra mill-każin wara xogħlijiet strutturali li saru mingħajr il-kunsens tas-sidien.

L-Oppożizzjoni għadha qed tiddiskuti l-emenda

L-emenda, li hi parti minn Avviż Legali aktar wiesgħa, biex jemenda l-Ordinanza li Tneħħi l-Kontroll tad-Djar, dalwaqt se tkun qed tittieħed għat-tieni qari fil-Parlament, minkejja dan għadu mhux magħruf x’inhi l-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni dwarha.

Dwar dan, Jason Azzopardi saħaq li apparti li hu mhux il-Kelliem tal-Oppożizzjoni responsabbli mill-kultura, il-Grupp Parlamentari Nazzjonalista għadu qed jiddiskuti din il-liġi u għalhekk ma jistax jikkummenta f’isem l-Oppożizzjoni.

Jason Azzopardi
Jason Azzopardi

Minkejja dan insista li l-Gvern għandu l-obbligu li jgħin lill-każini mingħajr ma jnaqqar mid-drittijiet tas-sidien li mingħandhom ikunu qed jikru.

“Nemmen li l-każini tal-baned huma importanti u għalhekk jistħoqqilhom kull għajnuna, b’mod partikolari jekk ma jistgħux jaslu waħedhom biex jaqdu l-funzjoni tagħhom,” saħaq Azzopardi li iżda kompla jinsisti li “id-drittijiet ta’ terzi persuni għandhom ikunu mħarsa u rrispettati.”

‘Il-Gvern għandu joħroġ il-flus’

Kien għalhekk, li Jazon Azzopardi qal li dan huwa ċans biex il-Gvern juri bil-fatti u l-flus li lest jgħin lill-każini biex iwettqu l-funzjoni tagħhom.

“The Government must put its money where its mouth is,” saħaq Azzopardi. “Jekk irridu verament ngħinu lill-każini, il-Gvern irid joħroġ il-flus.”

Ritratt: Il-każin ta' De Paule ta' Raħal Ġdid
Ritratt: Il-każin ta' De Paule ta' Raħal Ġdid

L-emenda ma tinżilx tajjeb ma’ kulħadd

Għalkemm l-Għaqda Każini tal-Banda faħħret ħafna din l-emenda, ma jfissirx li din niżlet tajjeb ma’ kulħadd.

Fil-fatt, is-sidien tal-binja li qed tintuża mill-banda De Paule, qalu ma’ ġurnal lokali li l-emenda proposta mill-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici qed tagħmel “farsa mill-ġudikatura u s-Saltna tad-Dritt.”

Aktar tard, l-istess sidien ħarġu stqarrija li fiha insistew li din l-emenda hija politikament, moralment u legalment skorretta.

Kien f’dan id-dawl li l-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ Azzopardi u avukati oħra biex tistaqsihom jekk hux sewwa li wara li tkun inqatgħet sentenza, il-Gvern jgħaddi liġi li permezz tagħha jwaqqa’ dak deċiż mill-Qorti.

It-tradiment fiż-żwieġ u l-emenda...

Għall-Avukat Alex Scibberas ma hemm xejn ħażin b’din l-emenda u biex juri dan għamel analoġija ma’ każ fejn raġel jaqlibha lill-mara jew viċi-versa.

Sciberras spjega li snin ilu dan kien reat u persuni spiċċaw il-ħabs minħabba f’hekk. Ġara li l-Parlament kien għadda liġi u għalhekk dan ma baqax ikun ikkunsidrat bħala reat.

“Allura jekk kont il-ħabs minħabba reat li issa ma għadux meqjus hekk, se tibqa’ hemm?” staqsa Sciberras. “L-istess japplika għal din l-emenda.”

Alex Sciberras
Alex Sciberras

Alex Sciberras spjega li l-liġi kif inhi bħalissa ma tikkontemplax bilanċ bejn l-interess privat, jiġifieri dak tas-sidien tal-proprjetà li għandhom dritt igawdu l-proprjetà tagħhom u l-interess pubbliku, f’dan il-każ l-irwol li jaqdi l-każin tal-banda.

Dan kien l-argument tal-Ministru għall-Kultura li saħaq li filwaqt li l-emenda se tkun qed tipprovdi ‘saqqu’ lill-każini tal-banda, filwaqt li qed tħares ukoll l-interess tas-sid.

“Il-bilanċ irid jinstab permezz tal-liġi”

Sciberras kompla jispjega li l-Qorti, fid-deċiżjoni tagħha, ħadet inkonsiderazzjoni l-interess, kemm tas-sidien u anke tal-każin iżda rat li ma kienx hemm dan il-bilanċ u għaldaqstant ordnat l-iżgumbrament.

“Il-bilanċ irid jinstab permezz tal-liġi,” saħaq Scibberas waqt li spjega li xorta waħda xejn mhu se jżomm lis-sidien milli jerġgħu jiftħu każ ieħor.

Fil-fatt, ġimgħat ilu, din il-gazzetta kienet żvelat ukoll kif is-sidien tal-proprjetà li ilha snin tintuża mill-banda King’s Own tal-Belt Valletta, ħadu l-każ tagħhom quddiem il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, anke jekk il-Qorti f’Malta kienet qatgħet is-sentenza favur il-banda.

“Ma nara xejn ħażin f’din l-emenda,” saħaq Sciberras waqt li kompla jfakkar li l-istess jiġri l-ħin kollu fil-Kriminal.

L-emenda fi ftit kliem

  • Emenda indirizzata għal dawk il-każini ordnati biex jiżgumbraw
  • Ma tapplikax għall-każini li jkunu naqsu milli jħallsu l-kera.
  • Każin jista’ jevita l-iżgumbrament jekk iħallas 10 darbiet aktar fil-kera
  • Il-kirja ma għandhiex tkun inqas minn €5,000 fis-sena u mhux aktar minn 1% tal-valur tal-proprjetà
  • Is-sid jista’ jitlob varjazzjoni fil-kundizzjonijiet tal-kera
  • Żgumbarment ma jistax ikun ordnat jekk xogħlijiet stutturali jkunu relatati “ma’ attivitajiet filarmoniċi jew soċjali tal-każin tal-banda”
  • Żgumbarment ma jistax ikun ordnat jekk ix-xogħlijiet ikunu “miljorament tal-fond” u rriversibbli

Il-kuntest li wassal għall-emendi...

  • Il-Qorti tordna lil ta’ De Paule biex jiżgumbraw mill-każin wara li nifdu l-binja mingħajr ma informaw lill-każin
  • Il-gazzetta ILLUM tirrapporta: ‘20 każin jinsabu taħt il-mannara’
  • Tirrapporta wkoll kif uħud mill-każini li jikru diġà qed jaffaċjaw każijiet il-Qorti
  • Tiżvela kif wara li tilfu l-każ f’Malta, is-sidien tal-King’s Own ħadu lill-Gvern quddiem Qorti Ewropea
  • Ta’ Stella Maris ukoll qed jistennew li tinqatgħalhom kawża minħabba ‘xogħlijiet’
  • Ta’ San Gejtanu u ta’ Duke of Connaught’s b’każijiet pendenti

More in Politika