Fearne jaqla’ ċamata tajba mill-Ombudsman

...il-Ministeru ma jgħaddix il-kuntratt sħiħ bejn il-Gvern u l-VGH lill-Kummissarju tas-Saħħa

L-Ombudsman, fir-rapport li ppubblika din il-ġimgħa kellu kliem pjuttost iebes fil-konfront tal-Ministeru tas-Saħħa f’dak li jitratta l-kuntratti li l-Gvern kien iffirma ma’ Vitals Global Healthcare (VGH) u li permezz tagħhom il-pajjiż ta b’konċessjoni tliet sptarijiet pubbliċi.

L-Ombudsman spjega kif il-Kummissarju tas-Saħħa Charles Messina, li huwa appuntat mill-istess Ombudsman, kien talab lill-Ministeru tas-Saħħa biex jipprovdih b’kopji tal-kuntratti li saru mal-VGH. Il-Ministeru ta’ Fearne iżda kien għaddielu l-kopji li kellhom partijiet jew saħansitra paġni sħaħ iċċensurati.

Il-Gvern dejjem qal li dawn il-paġni, paragrafi jew sentenzi, kienu ċċensurati minħabba sensittività kummerċjali.

Ir-rapport tal-Ombudsman jgħid illi minħabba li l-kopja sħiħa tal-kuntratt ma ngħatatx lill-Parlament, Messina ma setax ikompli l-investigazzjoni preliminari li kien beda fil-kuntratt għall-konċessjoni tal-Isptar San Luqa, l-Isptar Karen Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Ir-rapport jgħid li l-kuntratt fl-intier tiegħu ntalab minħabba li f’paġna 2(a) tal-‘Labour Supply Agreement’ jingħad li l-VGH huma responsabbli għall-manutenzjoni, l-operazzjoni u l-iżvilupp tas-siti. “Issa li l-VGH għaddiet il-konċessjoni lill-kumpanija Steward Healthcare, dan l-uffiċċju huwa iktar ħerqan biex jeżamina r-rapport sħiħ li Steward Healthacare jridu jonoraw. Il-Kummissarju staqsa għall-kuntratt sħiħ għax ried jindirizza materja ta’ interess pubbliku.”

Huwa f’dan il-punt li l-Ombudsman jagħmel twissija lill-Ministeru li jmexxi Fearne; “Il-Ministeru tas-Saħħa m’għandux jippretendi li dan l-uffiċċju jirrikorri għand il-Ġudikatura biex jingħata informazzjoni li l-Minsteru huwa legalment marbut li jagħti. Il-prudenza li biha jimxi dan l-uffiċċju m’għandhiex tkun interpretata bħala sinjal illi dan l-uffiċċju mhux se juża l-poteri li tagħtih il-liġi.”

Temm ifakkar illi l-Gvern huwa obbligat li juri rispett lejn l-Ombudsman u li r-rikjesti tiegħu jingħataw attenzjoni.

Fost il-paġni li kienu ġew iċċensurati meta dan il-kuntratt li ġie ppreżentat quddiem il-Parlament kien hemm il-parti li tesiġi illi l-Gvern Malti ntrabat li jibqa’ joħroġ l-ewwel €1.8 miljun, jew inkella l-ispiża rikorrenti hu, kull sena. Din l-ispiża hija marbuta “mal-ispejjeż addizzjonali” marbuta mal-prodotti farmaċewtiċi u mediċinali fit-tliet sptarijiet.
Dan ifisser, li l-ispejjeż marbuta ma’ dawn il-prodotti jmorru lil hinn mis-€70 miljun li l-Gvern intrabat li jħallas kull sena lil VGH għat-tmexxija tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u l-Isptar San Luqa u Karin Grech.

F’sensiela ta’ stejjer li din il-gazzetta kienet ippubblikat matul Jannar u Frar kien irrimarkat kif ma kienx magħruf jekk il-Gvern kienx laħaq ftehim mal-VGH, u issa ma’ Steward Healthcare, dwar ix-xiri tat-tagħmir mediku. Dan hekk kif il-Key Performance Indicators (KPI) fil-kuntratt “Services Concession for the Provision of Healthcare and Ancillary Services…” huma ċċensurati wkoll. Il-KPI jistipulaw il-miri u l-għanijiet li l-konċessjonarju jintrabat li jwettaq fi żmien stipulat.

Kif wieġeb il-Ministru?

F’kumment li ta l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li kien hu stess li ta d-dokumenti kollha marbuta mal-VGH lill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga, liema investigazzjoni, il-Ministeru tas-Saħħa huwa infurmat li bdiet. Il-Ministru Chris Fearne qal li bl-involviment illum ta’ Steward Healthcare, dawn it-tliet sptarijiet se jkunu qegħdin jiżviluppaw fi tliet sptarijiet state of the art minn siti abbandunati u mitluqa.

More in Politika