‘Qed issir popolari l-idea li l-abbuż u l-illegalitajiet jistgħu jinħafru’
L-Ombudsman Anthony C. Mifsud jappella għall-kontrolli serji fil-poter li gvern jista’ juża għall-vantaġġ politiku
More in Politika
L-Ombudsman Anthony C. Mifsud jappella għall-kontrolli serji fil-poter li gvern jista’ juża għall-vantaġġ politiku
L-Ombudsman Anthony C Mifsud għamel twissija ċara fir-rapport tas-sena 2017 li ppublika din il-ġimgħa, fil-parti li trattat it-trasparenza, l-akkontabilità u l-impunità. Huwa jgħid illi meta atti illegali jkunu validati u ssanzjonati permezz ta’ amnestiji dan jista’ jkollu “konsegwenzi serji u negattivi għad-dritt taċ-ċittadin li jkollu amministrazzjoni pubblika tajba.”
Iktar minn hekk iżda Mifsud sostna illi “qed tikber il-perċezzjoni popolari illi kull illegalità jew abbuż, ikun kemm ikun kbir, jista’ jkun maħfur, ikkanċellat jew minsi. Dan jista’ jwassal għal sitwazzjonijiet perikolużi li jimminaw it-tessut tas-soċjetà. Dan ukoll jista’ jiġġenera kultura ta’ impunità li twassal biex persuna tħossha sigura tinjora l-liġijiet u r-regolamenti u twettaq illegalitajiet...bl-aspettativa illi dik l-illegalità se tkun issanzjonata.”
L-Ombudsman iwissi illi meta l-linja bejn l-amministrazzjoni tal-materji pubbliċi fl-interess tal-ġid komuni u l-interessi privati, settorjali jew partiġġjani tkun sfukata “tinħoloq opportunità li tippermetti l-klijenteliżmu, il-patrunaġġ politiku, l-opportuniżmu, l-abbuż u l-korruzzjoni.”
Huwa saħaq illi hemm bżonn li jkun hemm leġiżlazzjoni li tirregola dik li tissejjaħ il-‘power of incumbency’ jew inkella l-poter li jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu l-Gvern. Dan il-poter ġeneralment ikun użat (jew abbużat) qabel elezzjoni ġenerali meta l-Gvern juża l-poter li għandu permezz tal-kontroll fuq diversi ażjendi biex idaħħal persuni f’impjiegi mal-Gvern jew inkella iħaffef proċessi li ġieli jieħdu aktar żmien.
Jisħaq dwar il-bżonn li dan il-poter li jkollu Gvern ikun definit, “sabiex dawk li jingħataw il-fiduċja biex imexxu materji pubbliċi jagħmlu dan fl-interess tal-ġid komuni u mhux biex jippromovu l-interessi partiġġjani.”
L-Ombudsman itemm jirreferi għall-kliem tal-eks Prim Imħallef Silvio Cammilleri li kien qal illi s-saltna tad-dritt għandha tkun imħarsa mit-tnaqqir insidjuż u bil-mod għax “is-saltna tad-dritt hekk tispiċċa, mingħajr ma nindunaw....” Mifsud jappella lill-awtoritajiet biex jieħdu azzjoni.