Bħalissa kull għassa tal-Pulizija f’Malta għandha għad-dispożizzjoni tagħha minn tal-inqas tliet vetturi tas-servizz.
Dan kien ikkonfermat mill-Korp tal-Pulizija mal-ILLUM li bagħtet għadd ta’ mistoqsijiet, wara li l-Whip tal-Partit Nazzjonalista, f’intervista ppubblikata fil-gazzetta tal-15 ta’ April, kien qal li l-għassa tal-Mellieħa ġieli għamlet seba’ ġimgħat mingħajr karozza tas-servizz.
Minkejja dan, il-Korp ikkonferma li preżentament, kull għassa tal-Pulizija għandha bejn 3 u 4 vetturi tas-servizz u hemm ħames karozzi oħra f’Għawdex.
B’kollox, il-Korp tal-Pulizija għandu 47 vettura disposti għall-għases tal-Pulizija.
Intant, f’April li għadda, kienu ġew inawgurati għaxar vetturi ġodda tad-distretti b’disinn ġdid li jirrifletti d-dehra l-ġdida tal-Korp tal-Pulizija
Dawn l-10 vetturi swew €130,000 u l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia kien qal li daqt se jibda l-proċess biex jinxtraw 50 vettura oħra.
Il-vetturi l-ġodda, skont il-Ministru, se jkunu “parti mill-proċess tal-bidla” li se jkun għaddej minnu l-Korp tal-Pulizija.