Il-Partit Demokratiku qal li fil-kwistjoni bejn Malta u l-Italja dwar 629 immigrant jinsab fuq in-naħa tad-drittijiet umani u s-solidarjetà ma' dawk fil-bżonn u kien għalhekk li ħeġġeġ lill-Gvern biex iżomm mar-responsabbilitajiet internazzjonali.
Fid-dawl tal-fatt li diversi fatturi qed jindikaw li l-immigrazzjoni mhux se tonqos, il-PD appella lill-Gvern u l-Oppożizzjoni biex jingħaqdu u joħolqu politika komuni fuq l-immigrazzjoni u anke bidliet fil-liġi biex filwaqt li Malta żżomm l-interess tagħha fuq quddiem, fl-istess waqt tkun qed tirrispetta d-dinjità ta' dawk li qed ifittxu kenn.
Saħaq ukoll li l-Italja u Malta, li diġà għandha popolazzjoni 'l fuq mil-limitu, ma jistgħux jitħallew waħedhom biex isolvu din il-problema u kien hawn li ħeġġeġ biex jidħlu fis-seħħ, il-mekkaniżmi Ewropej biex dan il-piż jinqasam fost il-pajjiżi kollha membri tal-Unjoni Ewropea.
Temm jisħaq li għandha ssir pressjoni fuq l-Unjoni Ewropea biex ikunu stabbiliti "kurituri siguri" għal dawk li għandhom bżonn il-protezzjoni.
Aqra wkoll: