Il-Gvern ġdid Spanjol se jkun qed jilqa' l-bastiment b'629 immigrant li kien ilu sigħat bejn sema u ilma 'l barra minn Malta wara li l-Gvern Taljan għalaq il-portijiet tiegħu. Immedjata kienet konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Intern Taljan, Matteo Salvini li ddikjara li l-Italja laħqet "l-ewwel oġġettiv tagħha."
Ħabbar dan fuq Twitter il-Prim Ministru Joseph Muscat li filwaqt li rringrazja lill-Prim Ministru Spanjol, qal li l-Gvern Malti se jkun qiegħed jibgħat lill-bastiment dak kollu li l-immigranti għandhom bżonn.
Muscat kiteb li "hemm bżonn inpoġġu bilqiegħda biex ikun żgurat li dan ma jerġax jiġri."
Fakkar ukoll li l-Italja, f'dan il-każ, kissret il-liġijiet internazzjonali.
Fi stqarrija, il-Gvern Spanjol qal li l-Prim Ministru l-ġdid, Pedro Sánchez, ta l-istruzzjonijiet kollha neċċessarji biex Spanja tonora l-obbligi internazzjonali u uminitarja tagħha. "Għandna dmir li nevitaw katastrofi umanitarja u noffsu 'port sigur' lil dawn il-persuni skont il-liġijiet internazzjonali," saħaq il-Gvern Spanjol.
'Malta qed tiġi taqa' u tqum' - Salvini
Intant, f'konferenza tal-aħbarijiet, Matteo Salvini qal li huwa inaċċettabbli li Malta qed tiġi taqa' u tqum u qed tibqa' tirreaġixxi daqslikieku ma ġara xejn.
"Malta għandha portijiet siguri," kompla jinsisti waqt li saħaq li ma jistax ikun li l-Italja tibqa' responsabbli waħedha għat-tfittxija u s-salvataġġ fiċ-ċentru tal-Mediterran.
Minkejja dan, Salvini ċaħad li l-Italja, b'xi mod jew ieħor, qed tirrifjuta l-immigranti u spjega li l-Gvern Taljan talab biss pajjiżi oħra biex jagħtu l-għajnuna.
Mistoqsi jekk instabitx soluzzjoni permanenti, Salvini qal li l-għan tiegħu hu li jwaqqaf għal kollox it-traffikar uman, irrispettivament x'isem iġorr il-bastiment, waqt li indika li sitwazzjoni simili tista' terġa' tinħoloq fil-jiem li ġejjin.
Insista li fil-Libja għandu jkun hemm portijiet siguri u ċentri li jilqgħu lill-immigranti biex ikun evitat li persuni jaqsmu l-baħar.
Aqra wkoll: