Muscat jappella favur immigrazzjoni lejn pajjiżna li ssir b'ordni u b'mod legali

...il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia jappella biex Malta tkun magħquda fil-konfront ta' din il-kwistjoni 

Il-PM Joseph Muscat
Il-PM Joseph Muscat

Ilejla l-PM Joseph Muscat fi stqarrija Ministerjali qal illi wara kuntatt mal-UNHCR il-Gvern Malti qabel illi jagħti għajnuna medika lill-immigranti, 600 b'kollox, li kienu jinsabu fuq dgħajsa bejn sema u ilma. 

Huwa fakkar kif Malta hija waħda mill-aktar pajjiżi li pproċessa applikazzjonijiet ta' ażil u għalhekk "ħadd ma jista jdur fuqna u jgħid li l-parti tagħna mhux qed nagħmluha. Irrid nfakkar li pajjiżna huwa l-ewwel pajjiż li wettaq il-kelma tiegħu dwar rilokazzjoni ta' immigranti mill-Greċja u l-Italja. Aħna tlabna lit-Taljani biex jibgħatulna in-nies hawn...stajna għidna ma nagħmlu xejn għax ma sibniex għajnuna."

Għamilha ċara wkoll iżda Muscat illi hu mhux se jippermetti li inċidenti bħal dan iwassal għal mibgħeda jew xenofobija. Intant Muscat qal ukoll li l-Gvern bagħat kunsenja ta' ilma u ikel lill-immigranti li kienu qed jistennew bejn sema u ilma. 

IL-PM temm jgħid li l-problema mhix il-barranin. "Aħna rridu barranin hawn, imma li jidħlu b'mod ordnat...li nkunu nafu min dieħel," sostna Muscat, li l-aħħar diskorsi pubbliċi għamel appell għal Malta iktar kożmopolitana. 

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia rringrazzja lill-forzi tal-ordni u wiegħed li "fuq kwistjonijiet nazzjonali se nkunu mal-Gvern u parteċipi biex ikollna leħen b'saħħtu fl-Ewropa..."

"Din il-problema se tikber, mhux tiċkien. Il-problemi politiċi u ta' faqar fl-Afrika se jikbru mhux jonqsu," sostna Delia li baqa' jinsisti dwar il-bżonn ta' għaqda nazzjonali u għaqda Maltija fl-Ewropa. 

Muscat wera lilu nnifsu sodisfatt, imma fakkar x'qalet dalgħodu l-MEP Nazzjonalista Roberta Metsola, li sostniet illi l-Gvern huwa populist. "Jekk il-Gvern populist, l-oppożizzjoni wkoll għax qed taqbel magħna." Delia ppreċiża li meta jitkellem hu tkun tkellmet l-oppożizzjoni b'mod magħqud.

More in Politika