L-għaqda internazzjonali, Tobba Mingħajr Fruntieri (MSF) qed tisħaq li l-aħjar għażla għas-629 immigrant irrifjutati mill-Italja hija li jitniżżlu fl-aktar port viċin u sigur u minn hemm ikunu trasferiti lejn Spanja.
Fuq Twitter, l-għaqda qalet li jekk l-immigranti se jittieħdu direttament fi Spanja se jkun ifisser li wara sigħat twal fuq il-baħar, l-istess immigranti se jkollhom iqattgħu erbat ijiem oħra jbaħħru u dan meta diġà huma għajjiena ħafna.
Kien għalhekk li appellat biex l-immigranti jitniżżlu fl-aktar port viċin u minn hemm jiġu trasferiti lejn Spanja. Skont is-sit Marine Traffic, l-aktar portijiet viċini bħalissa għall-bastiment Aquarius huma dawk Maltin.
Bħalissa l-immigranti qed jirċievu ikel u xorb mill-Gvern Malti. Aktar tard, Awtoritajiet Taljani tas-Salvataġġ se jkunu qed itellgħu l-immigranti abbord bastimenti Taljani biex minn hemm ibaħħru lejn Spanja
L-għaqda internazzjonali insistiet li s-sigurtà tal-persuni għandha tiġi qabel il-politika.
Ilbieraħ, il-Gvern Spanjol ħabbar li se jilqa' lis-629 immigrant li spiċċaw fin-nofs fi kwistjoni bejn Malta u l-Italja, bil-Ministru għall-Intern Taljan Matteo Salvini dlonk jiddikjara li l-Italja ħarġet rebbieħa.
Kollox beda meta l-Gvern Taljan għalaq il-portijiet tiegħu u beda jinsisti li Malta tieħu lil dawn l-immigranti. Minkejja dan, il-Prim Ministru Joseph Muscat, f'telefonata mal-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte, insista li Malta mhux se tieħu dawn l-immigranti għax ma kinitx obbligata li tagħmel dan skont il-liġi internazzjonali, ġaladarba l-aktar port sigur għal dawn l-immigranti, wara li ġew salvati, kien dak ta' Lampedusa.
Intant, ilbieraħ filgħaxija fil-Parlament, Joseph Muscat qal li wara kuntatt mal-UNHCR il-Gvern Malti qabel illi jagħti għajnuna medika lill-immigranti, li kienu jinsabu fuq dgħajsa bejn sema u ilma.
Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia rringrazzja lill-forzi tal-ordni u wiegħed li "fuq kwistjonijiet nazzjonali se nkunu mal-Gvern u parteċipi biex ikollna leħen b'saħħtu fl-Ewropa..."
Aqra wkoll: