Fi tweġiba għal mistoqsija parliamentari li saret mill-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa, il-Kummissarju Ewropew Jourova qalet li hu possibli li jiġi evitat l-infurzar tas-sentenzi SLAPP f'ġurisdizzjonijiet oħra fuq il-bażi ta’ politika pubblika. Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tikkuntrasta ma’ dik tal-Gvern Malti li rrifjuta l-emenda kontra l-iSLAPP proposta mill-MP tal-Partit Nazzjonalista Jason Azzopardi fil-liġi ġdida dwar il-midja l-fuq il-bażi ta' inkompatibilità mal-liġi tal-UE.
David Casa qal li huwa ċar li m'hemm xejn fil-liġi tal-UE li tipprekludi miżuri li jipproteġu lill-ġurnalisti minn dawn il-prattiċi abbużivi fil-liġijiet nazzjonali".
Il-Kummissjoni ddikjarat li Stat membru tal-UE għandu d-dritt li jilleġiżla kontra SLAPP li toriġina f'ġurisdizzjoni barra l-UE u li l-Istati Membri tal-UE għandhom id-dritt li jipproteġu ċ-ċittadini tagħhom kontra SLAPP li joriġinaw mill-UE sakemm dan isir b'rieda tajba u f'konformità mal-politika pubblika ddikjarata.
"Ir-risposta tal-Kummissjoni turi li l-emendi proposti tal-MP tal-Partit Nazzjonalista Jason Azzopardi f'Jannar li għadda biex jipproteġu l-midja u l-ġurnalisti Maltin mit-theddid tal-iSLAPP kienu konsistenti mal-liġi ta' l-UE," jgħid Casa.
David Casa stqarr li "r-raġunament skomiku pprovdut mill-Ministru Owen Bonnici biex jiġġustifika d-deċiżjoni li ma jilleġislax biex jipproteġi l-ġurnalisti Maltin għandu jinftiehem fil-kuntest tal-kompliċità tiegħu li Daphne Caruana Galizia tkun imġiegħelha tieqaf tikteb permezz tas-SLAPP. Illum, il-Kummissjoni effettivament uriet li l-pożizzjoni meħuda mill-Gvern Malti ma tagħmilx sens."
L-MP tal-PN Jason Azzopardi ddikjara: "Owen Bonnici għandu immedjatament jipproponi din l-emenda fil-Parlament u jagħti lill-ġurnalisti s-serħan il-moħħ biex iwettqu xogħolhom kif jixraq. Sfortunatament, ir-rekord ta’ Owen Bonnici ma jawgurax li dan jiġri f'xi żmien dalwaqt”.
David Casa qed jorganizza dibattitu fil-Parlament Ewropew dwar is-SLAPP llum waranofsinhar li se jattendi għalih il-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani