AD: 'Hemm ħtieġa li l-Gvern jintervjeni fis-suq tal-kera'
l-Alternattiva Demokratika tisħaq li fl-ewforija tat-tkabbir ekonomiku il-batut qed ikun injorat...
More in Politika
l-Alternattiva Demokratika tisħaq li fl-ewforija tat-tkabbir ekonomiku il-batut qed ikun injorat...
"AD tinnota l-istatistika pubblikata li turi li 40% tan-nies f’Malta li jgħixu f’postijiet mikrija qed jgħixu f’riskju ta’ faqar. Dan huwa sintomu ta’ apatija fir-rigward ta’ problema li kienet ilha moħbija. Issa mhux talli nibtet, imma talli rabbiet l-għeruq ukoll"." Qalet dan Anna Azzopardi, Kelliema fuq id-Djalogu Socjali u l-Politika Socjali tal-Alternattiva Demokratika.
"Il-pubblikazzjoni ta’ din l-statistika tikkuntrasta mal-fatt li l-ekonomija qiegħda tikber u allura twassal għall-konkluzjoni inevitabbli li fil-ġirja sfrenata li biha qiegħda tikber l-ekonomija, qed igawdu il-ftit," sostniet Azzopardi li spjegat ukoll kif iż-żieda, esaġerata, fil-kera li qed tintalab ilha tinħass, tant li sentejn ilu, waqt laqgħa tal-Caritas, il-Ministru Michael Farrugia li dak iż-żmien kien Ministru tal-Familja u Solidarjetà Soċjali, kien qal li ma jridx jimponi fuq il-prezzijiet tal-propjetà. Sfortunament, minn dakinhar il-prezzijiet li diġà kienu għoljin laħqu livelli eċċessivi għall-maġġoranza tal-poplu Malti."
"Dan ifisser illi iktar nies, li jgħixu f’postijiet mikrija, qegħdin ibatu biex iġebbdu il-paga tagħhom, il-ftit li jkun baqgħalhom wara li jkunu ħallsu l-kera."
Temmet tgħid li fl-ewforija li qed tirrizulta hi u tkun proġettata stampa ta’ ekonomija b’saħħitha, "il-karba tal-batut mhux qed tinstema' biżżejjed, bosta drabi qiegħda tiġi njorata. Meta tinġibed l-attenzjoni li hawn it-tbatija, din tiġi trivjalizzata u min jipprova jiġbed l-attenzjoni bosta drabi qed jiġi akkużat li qed jesaġera. Sfortunatament wasalna fi stat li fih il-gvern irid jammetti u jaċċetta li hemm ħtieġa urġenti li jintervjeni fis-suq tal-propjetà – in partikolari fis-suq tal-kera. Il-gvern jista' jagħmel dan billi jindirizza b’mod iktar aggressiv soluzzjonijiet ta’ akkomodazzjoni socjali. Dan flimkien ma mizuri li jassiguraw li l-akkomodazzjoni socjali tingħata biss lil min jeħtieġa."