Il-Ministeru għas-Saħħa ffirma ftehim mal-Istituto Mediterraneo per i trapianti e terapie ad alta specilalizzazione (ISMETT), bil-għan li aktar pazjenti Maltin ikunu jistgħu jingħataw kura f’ċentri speċjalizzati fl-Italja.
Fi stqarrija, il-Ministeru spjega kif matul is-snin li għaddew, erba’ Maltin saritilhom operazzjoni għal trapjant tal-pulmun fiċ-ċentru tal-ISMETT f’Palermo.
Dan il-ftehim se jkun qed iwassal biex aktar pazjenti Maltin jingħataw l-għajnuna biex jirċievu kura fl-istess istitut f’każijiet ta’ trapjanti tal-pulmun, trapjanti tal-fwied, u trapjanti tal-kliewi.
Il-ftehim iffirmat jitratta wkoll taħriġ speċjalizzat għal professjonisti Maltin f’diversi oqsma, fosthom dak tal-implantazzjoni tal-qalb, tal-kliewi u l-frixa.
Il-ftehim min-naħa ta’ Malta ġie ffirmat mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.