L-emendi tal-IVF jgħaddu għall-vot finali fil-Parlament

L-Oppożizzjoni tivvota kontra emenda biex jitneħħa l-limitu ta' tliet bajdiet iffertilizzati fl-ewwel ċiklu. Claudio Grech jinsisti li l-Oppożizzjoni hija kontra l-iffriżar tal-embrijuni

L-emendi proposti mill-Gvern għal-Liġi tal-IVF għaddew mill-istadju tal-Kumitati fil-Parlament biex hekk issa jistgħu jgħaddu għat-Tielet Qari fil-Parlament, jiġifieri l-vot finali.

Jekk il-Parlament jivvota favur l-emendi, il-liġi tgħaddi għand il-President biex tiffirmaha.

S’issa, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qed tibqa’ żżomm fommha sieket dwar jekk hix se tiffirma jew le l-Liġi tal-IVF hekk kif emendata mill-Gvern u li tippermetti l-iffriżar tal-embrijun bħala norma u mhux eċċezzjoni.

Minkejja li l-gazzetta ILLUM bagħtet darbtejn tistaqsi b’mod dirett jekk il-President hux se tiffirma l-liġi, kemm qabel ma l-Gvern ħabbar il-bidliet fl-emendi u anke wara, Coleiro Preca baqgħet ma kkommettitx ruħha.

It-tobba jistgħu jiffertilizzaw ħames bajdiet fl-ewwel ċiklu

Intant, qabel ittieħed il-vot tal-lum, il-Kumitat Parlamentar approva emenda bil-għan li titneħħa r-restrizzjoni biex it-tobba jiffertilizzaw tliet bajdiet fl-ewwel ċiklu tal-IVF, biex hekk il-professjonisti li jingħataw iċ-ċans li jiffertilizzaw sa ħames bajdiet.

Minn dawn il-ħames bajdiet, tnejn biss jiġu implantati, bil-bqija jiġu ffriżati.

Fearne jisħaq li qed jilqa' t-talba tad-Deputat tal-Oppożizzjoni Maria Deguara

Ilbieraħ, id-Deputat tal-Oppożizzjoni, Maria Deguara pproponiet li t-tobba jingħataw aktar spazju biex jiddeċiedu huma kemm jiġu ffertilizzati bajd, minħabba l-fatt li mhux kull każ huwa differenti minn ieħor. 

Illum, il-Ministru għas-Saħħa Fearne qal li biex jiżdied iċ-ċans ta’ suċċess, kien jagħmel aktar sens li t-tobba jitħallew jiffertilizzaw ħames bajdiet u dan wara li jikkonsultaw mal-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijun.

Għalkemm Deguara ma semmitx l-ewwel ċiklu u lanqas il-ħames bajdiet, il-Ministru Fearne qal li se jkun qed jaċċetta 'l-parir' ta' Deguara u ressaq emenda biex ineħħi l-limitu ta’ tliet bajdiet li kien impost fuq l-ewwel ċiklu.

Il-ġinekologu Mark Sant kien saħansitra qal mal-ILLUM li jekk mara għandha 12-il bajda għandhom jiġu ffertilizzati kollha.

L-Oppożizzjoni tivvota kontra u tinsisti li hi kontra l-iffriżar

Il-Membri tal-Oppożizzjoni fuq dan il-kumitat, Claudio Grech, Robert Cutajar u Stephen Spiteri, oġġezzjonaw u vvutaw kontra.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Claudio Grech insista li fil-prinċipju l-Oppożizzjoni hija kontra l-iffriżar tal-embrijun bħala n-norma.

More in Politika