Simon Schembri se jibbenefika mill-aktar prosteżi avvanata

...ħabbar dan il-Ministru Chris Fearne waqt l-inawgurazzjoni tal-dipartiment il-ġdid tal-prosteżi fl-Isptar San Luqa

Simon Schembri għamel ġimgħat jissielet għal ħajtu wara li ttajjar minn żagħżugħ ta' 17- il sena
Simon Schembri għamel ġimgħat jissielet għal ħajtu wara li ttajjar minn żagħżugħ ta' 17- il sena

Il-Kuntistabbli tal-Pulizija Simon Schembri se jkun fost l-ewwel pazjenti li se jibbenefikaw mid-dipartiment il-ġdid tal-prosteżi fl-Isptar San Luqa.

Waqt l-inawgurazzjoni li saret dalgħodu, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li fil-jiem li ġejjin, Schembri se jsirlu intervent biex igawdi mill-aktar prosteżi avvanzata.

Simon Schembri tilef idu wara li tkaxkar 400 metru taħt karozza meta żagħżugħ ta’ 17-il sena saq għal fuqu wara li waqqfu biex jitolbu d-dokumenti tas-sewqan.

Intant, waqt l-inawgurazzjoni, il-Ministru Fearne insista li madwar 15,000 pazjent se jkunu qed jibbenefikaw minn dan id-dipartiment il-ġdid.

“Dan id-dipartiment mhux biss se joffri ambjent aktar sabiħ, iżda servizz aħjar lill-pazjenti,” qal Fearne waqt li spjega kif ċertu prosteżi li qabel kienu jinħadmu barra minn Malta se jibdew isiru fil-pajjiż.

Spjega kif hawn domanda kbira għall-prosteżi, l-aktar minħabba r-rata għolja tad-dijabete.

Huwa rringrazja lil Steward Health Care għal dan il-proġett u qal li dan huwa eżempju ċar ta’ kif se jibdew isiru x-xogħlijiet ta’ tisbiħ fl-isptarijiet.

More in Politika