'L-ebda pajjiż ċivilizzat ma jikkunisdra li jeqred dan il-patrimonju nazzjonali'

L-FAA tappella mill-Gvern biex jirrevedi d-deċiżjoni u l-pjanijiet li jitneħħew 586 siġra biex tinbena triq aħjar mill-Imrieħal għar-Rabat

Flimkien għal Ambent Aħjar qed tikkundanna d-deċiżjoni li jitneħħew madwar 586 siġra mill-Bypass tal-Imrieħel sar-roundabout tas-Saqqaja fir-Rabat, bil-għan li tkun irranġata din it-triq li minnha, ta’ kuljum, jgħaddu mijiet ta’ karozza.

Fi stqarrija, FAA qed tisħaq li ħafna minn dawn is-siġar għandhom ‘il fuq minn 100 sena u flimkien mal-ħitan tas-sejjieħ li jagħlqu t-triq li tgħaddi għar-Rabat saru parti mill-aktar veduta imfittxija u popolari f’Malta, jiġifieri dik tal-Imdina.

“L-ebda pajjiż ċivilizzat ma jikkunsidra li jeqred dan il-patrimonju nazzjonali,” saħqet l-NGO waqt li qablet il-pjan ma deċiżjoni ta’ xi ħadd li jgħaddi triq kbira minn villaġġ bħal ma hu Assisi.

Filwaqt li skont uffiċjali tal-Ministeru għat-Transport qed jisħqu li l-maġġoranza tas-siġar se jibqgħu f’posthom f’centre strip, l-FAA qed tisħaq li l-pjanijiet juru biċ-ċar li se jinqalgħu madwar 79%.

Anke dwar l-argument li wħud minn dawn is-siġar se jitħawlu xi mkien ieħor, l-FAA insistiet li wħud mis-siġar li se jinqalgħu ma jistgħux jiġu mħawla mill-ġdid.

“L-FAA tibqa’ tinsisti li s-soluzzjoni għall-problema tat-trasport f’Malta ma tinsabx fil-bini ta’ toroq ġodda imma tinsab fi trasport pubbliku effiċjenti u li tista’ toqgħod fuqu,” tkompli l-istqarrija. “Is-siġar huma l-uniku mezzi li għandna biex inaqqsu r-rata għolja ta’ tniġġis tal-arja li tista’ twassal għal kundizzjonijiet serji ta’ saħħa.

Temmet tisħaq li f’din is-sena biss, Malta tilfet 480 siġra.

More in Politika