Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li tard ilbieraħ filgħaxija saret laqgħa bejn il-Gvern u l-Avukat Ġenerali, wara li diversi gruppi favur il-ħajja saħqu li l-Abozz tal-Liġi dwar l-IVF jikser il-Kostituzzjoni, tant li ressqu t-tħassib tagħhom quddiem il-President Marie-Louise Coleiro Preca.
F'kummenti lil MaltaToday, il-Prim Ministru qal li l-Gvern ma jaqbilx li l-emendi kisru d-dritt tal-ħajja hekk kif stabbilit fil-Kostituzzjoni.
Kif tgħid ukoll stqarrija maħruġa dalgħodu mill-Ministeru għas-Saħħa, insista li l-Avukat Ġenerali ma sabx li l-emendi jiksru l-kostituzzjoni.
"Hemm ukoll ġudizzji tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem f'dan ir-rigward," saħaq il-Prim Ministru. "Ilbieraħ filgħaxija tkellimna mal-Avukat Ġenerali mill-ġdid u qabel li l-liġi hija 100% kostituzzjonali."
Is-Sibt li għadda, il-President Coleiro Preca ltaqget ma' dawn il-gruppi, li talbu laqgħa urġenti. Hija għaddiet ittra bit-tħassib ta' dawn il-gruppi lill-Gvern.
Fil-kummenti tiegħu, il-Prim Ministru insista li filwaqt li jirrispetta l-irwol tal-President li għaddiet dan il-messaġġ, ma jaqbilx ma' dawn il-gruppi.
Il-vot finali dwar l-IVF mistenni jittieħed għada.
Intant, il-Ministeru għas-Saħħa ppubblika siltiet mir-risposta tal-Avukat Ġenerali li jikkonkludi kif l-Abbozz ta’ Liġi biex jemenda l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni "ma jinvolvi ebda ksur tal-ġurament tal-kariga jew il-lealtà meħud minnek skont il-Kostituzzjoni.”