L-emendi dwar l-iffriżar tal-embrijun approvati mill-Parlament
Illejla, il-Parlament approva l-emendi fil-liġi dwar l-IVF biex issa l-iffriżar tal-embrijuni se jsir in-norma u mhux l-eċċezzjoni
minn Yendrick Cioffi
Illejla, il-Parlament approva l-emendi proposti mill-Gvern għall-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijun li jippermettu l-iffriżar tal-embrijun fil-proċess tal-IVF.
L-emendi għaddew b'34 vot favur u 27 vot kontra, hekk kif il-Grupp Parlamentari Laburista vvota favur iżda l-Oppożizzjoni vvotat kontra.
Dawn l-emendi qajmu diskussjoni sħiħa, b'mod partikolari minħabba l-iffriżar tal-embrijuni. Bil-liġi kif emendata, il-professjonisti se jibdew jiffertilizzaw ħames bajdiet. Ġaladarba tnejn biss jistgħu jiġu implantati, il-bqija se jiġu ffriżati. Dan ifisser li l-iffriżar tal-embrijuni se jsir in-norma u mhux l-eċċezzjoni, kif kien sa issa.
Ġenituri prospettivi jitħallew jiffriżaw embrijuni jekk jaqblu li jagħtu dawk l-embrijuni mhux użati għall-adozzjoni. Jekk jaqblu, l-Awtorità toħroġ permess għall-iffriżar ta’ ħames snin. L-Awtorità tgħaddi għall-adozzjoni jekk il-ġenituri ma jġeddux il-kuntratt ta’ ħames snin jew jekk il-mara taqbeż it-43 sena.
Minkejja li l-Gvern kien ippreżenta xi bidliet għall-emendi proposti oriġinarjament, il-gruppi favur il-ħajja xorta waħda baqgħu joppunuhom, tant li nhar il-Ħadd li għadda ressqu t-tħassib tagħhom quddiem il-President tar-Repubblika.
Minkejja dan, ilbieraħ il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li wara li rċieva l-ittra tal-President (bit-tħassib tal-gruppi), il-Gvern reġa' talab il-parir tal-Avukat Ġenerali u insista li r-risposta tiegħu kienet li l-liġi kif emendata hija 100% kostituzzjonali.
Dan ma waqqafx lill-Avukat Tonio Azzopardi li dalgħodu preżenta proċeduri kostituzzjonali li permezz tagħhom qed jitlob lill-Qorti tiddikjara li l-Att dwar l-Protezzjoni tal-Embrijun, kif emendat, jikser id-dritt tal-embrijun għall-ħajja.
Issa f'idejn il-President...
Issa kollox f'idejn il-President Marie-Louise Coleiro Preca hekk kif id-daqqa tal-firma tagħha tħoll u torbot jekk dawn l-emendi jsirux liġi
Għalkemm mal-gazzetta ILLUM, il-President qatt ma kkommettiet ruħha li tiffirma din il-liġi, anke wara li kienet talbet konsultazzjoni aktar wiesgħa fuq dawn l-emendi, il-Ħadd li għadda qalet li skont il-Kostituzzjoni hi obbligata tiffirma kwalunkwe liġi.
Skont Mark Sant xorta waħda għadna lura
Minkejja li ħafna laqgħu l-aħbar li dawn l-emendi għaddew mill-aħħar fażi fil-Parlament, il-ġinekologu Mark Sant kien qal mal-ILLUM li l-emendi xorta huma ’l bogħod ħafna minn dawk li għandhom pajjiżi oħra.
Huwa kien saħansitra qal li jekk mara għandha 12-il bajda, "għandna niffertilizzawhom kollha."
Punti oħra li qajmu diskussjoni
Fost il-punti l-oħra li l-aktar qajmu diskussjoni, kien hemm id-donazzjoni tal-isperma u l-bajda li issa saret saret legali. It-tarbija, meta tilħaq l-età ta’ persuna adulta, se jkollha d-dritt li ssir taf min kienu d-donaturi li wasluha biex tingħata l-ħajja. Id-donatur tal-gamiti se jibqa’ ma jkunx jaf min ħa d-donazzjoni u l-istess ir-riċevitur.
Il-maternità surrogata wkoll qajmet diskussjoni, anke jekk il-kiri tal-ġuf (jiġifieri bil-flus) kien se jibqa' illegali. Meta ftit tal-ġimgħat ilu l-Gvern ressaq bidliet għall-emendi proposti oriġinarjament, kien ħabbar li qed jipproponi diskussjoni pubblika wiesgħa ma’ dawk kollha kkonċernati u “meta jkun il-mument opportun” titressaq mill-ġdid iżda f’liġi għaliha.