Salvini jitlob lil Malta tiftaħ il-portijiet għal 239 immigrant
Il-bastiment Lifeline jinsab fl-ibħra Maltin b'239 immigrant abbord
minn Yendrick Cioffi
Id-Deputat Prim Ministru Taljan, Matteo Salvini qal li l-Gvern Taljan talab lil Malta biex tiftaħ il-portijiet tagħha għal 239 immigrant li jinsabu fuq il-bastiment Lifeline.
Sa issa Malta għadha ma ħadet l-ebda pożizzjoni dwar dan.
Fuq Twitter, Salvini ddeskriva l-bastiment bħala illegali iżda, minħabba raġunijiet ta' sigurtà tal-ekwipaġġ u l-passiġġieri, ġaladarba l-bastiment jinsab fl-ibħra Maltin, qed jitlob lill-Gvern Malti biex jilqagħhom.
Kompla jgħid li huwa ċar li dan il-bastiment jeħtieġ jiġi ssekwestarat u l-ekwipaġġ tiegħu arrestat.
La NAVE FUORILEGGE #Lifeline è ora in acque di Malta, col suo carico di 239 immigrati.
— Matteo Salvini (@matteosalvinimi) 22 June 2018
Per sicurezza di equipaggio e passeggeri abbiamo chiesto che Malta apra i porti.
Chiaro che poi quella nave dovrà essere sequestrata, ed il suo equipaggio fermato.
Mai più in mare a trafficare.
"Daqshekk traffikar fuq il-baħar," insista Salvini.
L-immigranti ġew salvati mill-NGO wara li ntlemħu abbord żewġ dinghies iffullati aktar milli jmisshom.
Ilbieraħ filgħaxija, il-Gvern Taljan saħaq li l-bastiment, bl-immigranti salvati għandhom jittieħdu l-Olanda, ġaladarba l-bastiment huwa rreġistrat hemm. Iżda aktar tard, il-Ministru għat-Trasport Danilo Toninelli, qal li mhux sigur li dan il-bastiment ibaħħar daqstant fit-tul b'daqshekk persuni abbord.
Intant għalkemm ilbieraħ filgħaxija, fuq Twitter, l-ekwipaġġ ippubblika dokumentazzjoni biex jinsisti li huwa rreġistrat fl-Olanda, il-pajjiż baqa' jinsisti li l-bastiment huwa fir-reġistru tagħha.
L-Olanda saħqet li dan il-bastiment u anke l-bastiment Seefuchs, huwa proprjetà ta' NGOs Ġermaniżi u għaldaqstant mhijiex f'pożizzjoni li tagħti struzzjonijiet lil dawn il-bastimenti.
Skont l-awtoritajiet Olandiżi, il-Gvern Taljan ġie mgħarraf b'din id-deċiżjoni. Kien hawn li Salvini dawwar l-appell tiegħu fuq Malta.
Aktar kmieni dan ix-xahar, Salvini, li ġie elett bl-għajta li l-Italja mhux se tibqa' ġġorr il-problema tal-immigrazzjoni waħedha, għalaq il-portijiet Taljani għal bastiment Aquarius li fuqu kellu aktar minn 600 immigranti abbord.
Malta kienet żammet sod fil-pożizzjoni tagħha, jiġifieri li l-Italja kienet qed tonqos mir-responsabbilitajiet internazzjonali tagħha u għalhekk baqgħet ma aċċettatx l-immigranti. Wara sigħat twal ta' batibekki bejn Malta u l-Italja, kienet Spanja li ħarġet għonqa għal dawn l-immigranti.