Busuttil jirbaħ ħames libelli wara l-istorja ta' Gaffarena
Kien allegat li Simon Busuttil iltaqa' ma' Joe u Marco Gaffarena biex jakkwista dokumenti kontra John Dalli
More in Politika
Kien allegat li Simon Busuttil iltaqa' ma' Joe u Marco Gaffarena biex jakkwista dokumenti kontra John Dalli
L-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil rebaħ total ta’ ħames libelli kontra l-eks editur ta’ One news Aleander Balzan u Josef Caruana tal-Orrizont wara allegazzjonijiet li hu kien iltaqa’ man-negozjant Joe Gaffarena qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013.
Bulettini tal-aħbarijiet u anke artiklu kienu jallegaw li Simon Busuttil iltaqa’ ma’ Gaffarrena biex jakkwista dokumenti li setgħu tefgħu dell ikrah fuq l-eks Kummissarju Ewropew u eks Ministru Nazzjonalista John Dalli.
L-istorja bdiet fuq il-gazzetta It-Torċa fit-2 ta’ Awwissu tal-2015 meta kien allegat li qabel l-elezzjoni tal-2013 Busuttil kien talab li jiltaqa’ ma’ Joe u Marco Gaffarena biex ikun jista’ jingħata informazzjoni fuq l-iskandlu tad-Daewoo, liema każ imur lura għal 20 sena ilu.
Skont l-artiklu, iż-żewġ negozjanti ma kienu ħadu magħhom l-ebda dokument, imma insistew li Busuttil għandu jgħinhom biex jirbħu permess għal pompa tal-petrol f’Ħal Qormi.
Busuttil ċaħad dawn l-allegazzjonijiet biż-żewġ edituri jisħqu li ma kien hemm xejn malafamanti fir-rapurtaġġ u li huma rrappurtaw biss dak li kien ġie rrappurtat minn kamra oħra tal-aħbarijiet.
Fid-deċiżjoni tiegħu, il-Maġistrat Francesco Depasquale saħaq li l-istorja kienet ibbażata fuq sors anonimu għalkemm il-ġurnalista kien iltaqa’ ma’ Gaffarena biex jikellem dwar l-informazzjoni li kellu.
Il-Maġistrat saħaq mingħajr tlaqliq li l-verżjonijiet mogħtija minn Joe u Marco Gaffarena kienu foloz u mmexxija biss mill-mibgħeda li kellhom kontra Busuttil u l-Partit Nazzjonalista li ma aċċettawx li jgħinuhom biex jiksbu permess għall-pompa tal-petrol li kienet ingħalqet minħabba sular li kien qed jinbena illegalment.
Fil-Qorti ntqal kif il-familja Gaffarena, li kienet għadha kemm tat €20,000 lill-Partit Nazzjonalista, kienet qed tistenna li tingħata dan il-permess.
Kien għalhekk li l-Qorti kkonkludiet li l-ġurnalisti, filwaqt li għandhom dritt u dmir li jirrappurtaw dak li huwa ta’ interess pubbliku, fl-istess ħin huma obbligati li jagħmlu dan b’rieda tajba u mhux billi jagħtu lill-pubbliku allegazzjonijiet foloz.
“Id-dritt għal-libertà tal-espressjoni ma jfissirx dritt li tivvinta,” saħaq il-Maġistrat.
Simon Busuttil rebaħ total ta’ €7,000