Jieħdu l-ġurament l-Imħallfin u l-Maġistrati l-ġodda

  • Fost l-Imħallfin il-ġodda hemm Anthony Vella li kien qed imexxi l-inkjesta dwar il-qtil ta' Daphna Caruana Galizia
  • Il-Prim Ministru jiddefendi l-ħatra ta' Consuelo Scerri Herrera

FUQ: Consuelo Scerri Herrera, Anthony Vella, Grazio Mercieca  ISFEL:  Simone Grech,  Rachel Montebello, Astrid May Grima
FUQ: Consuelo Scerri Herrera, Anthony Vella, Grazio Mercieca ISFEL: Simone Grech, Rachel Montebello, Astrid May Grima

Illum waranofsinhar ħadu l-ġurament it-tliet Imħallfin u t-tliet Maġistrati ġodda wara li approvati mill-Kumitat dwar il-Ħatra tal-Ġudikanti.

It-tliet Imħallfin il-ġodda huma Anthony J. Vella, Consuelo Scerri Herrera u Grazio Mercieca.  

It-tliet Maġistrati l-ġodda huma  Rachel Montebello, Simone Grech u Astrid May Grima.

Il-Prim Imħallef Joseph Azzopardi ma tantx ħela ħin jawgura lill-Imħallfin u l-Maġistrati l-ġodda u qalilhom li ma tantx se jkollhom ċans igawdu s-sajf għax insista li għandhom ħafna x'jagħmlu. 

Minkejja dan wera s-sodisfazzjon tiegħu għax fi kliemu, l-eks Maġistrati mhux se jħallu lista twila ta' każi lis-suċċessuri tagħhom.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici qal li dawn il-ħatriet kienu "pass fid-direzzjoni t-tajba." Dan minkejja l-kritika li saret u li qed issir għax Anthony Vella, li issa sar Imħallef, kellu jħalli l-inkjesta dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia f'idejn Maġistrat ieħor. 

Intant, meta mistoqsi mill-ġurnalisti dwar il-ħatra ta' Scerri Herrera, ġaladarba sena ilu ma kinitx ġiet magħżula mill-kumitat li jieħu ħsieb il-ħatriet tal-ġudikatura, il-Prim Ministru Joseph Muscat faħħar il-ħidma tagħha u qal li kien imissha ngħatat il-promozzjoni snin ilu. 

Waqt il-ġurament, il-President ta' Malta Marie Louise Coleiro Preca ddeskriviet il-ħatra ta' dawn il-ġudikanti bħala waħda "storika" hekk kif għall-ewwel darba fl-istorja, se jkun hemm maġġoranza assoluta ta’ nisa fil-Ġudikatura, jiġifieri 23 ġudikant mara mqabbel ma’ 22 ġudikant raġel. 

B’dawn il-ħatriet, l-ammont ta’ ġudikanti komplessivament żdied b’ebgħa, meta mqabbel ma’ ħames snin ilu, jiġifieri żewġ Imħallfin iktar u żewġ Maġistrati iktar.

L-Imħallfin il-ġodda waqt il-ġurament
L-Imħallfin il-ġodda waqt il-ġurament

Dr Grazio Mercieca

L-Imħallef Grazio Mercieca twieled fl-1957 u laħaq avukat fl-1982. Huwa sar Maġistrat f’Novembru 2016 wara li serva bħala Kummissarju għall-Ġustizzja, Arbitru u Court Attorney mal-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili.

Huwa ppubblika diversi kotba b’rabta mal-liġi ċivili kemm mill-aspett sostantiv u kemm mill-aspett proċedurali.

Miżżewweġ, għandu tlett itfal u huwa wkoll nannu ta’ tnejn.

Dr Consuelo Scerri Herrera

L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera twieldet fl-1964. Hija laħqet avukat fl-1988 u saret Maġistrat f’Mejju 1997. Hija ġiet ukoll eletta minn fost il-ġudikatura bħala membru tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja u membru tal-Kumitat ta’ Dixxiplina dwar il-Ġudikanti fi ħdan l-istess Kummissjoni.

F’dawn l-għoxrin sena ta’ ħidma bħala Maġistrat hija kellha kompetenza kemm ċivili u kemm kriminali. Bħalissa qed tissokta l-istudji tagħha billi ssegwi Ph.D fl-Università ta’ Malta fil-qasam tal-liġi kriminali.

Hija għandha tlett itfal.

Dr Anthony J. Vella

L-Imħallef Anthony J. Vella twieled fl-1965.  Wara li laħaq avukat fl-1991, huwa sar Maġistrat f’Jannar 2004. Huwa ġie elett minn fost il-ġudikatura bħala membru tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja bejn April 2012 u April 2018 u ilu jservi bħala Maġistrat Anzjan mill-2015 wara li l-predeċessur tiegħu f’dik il-kariga kien ġie elevat għall-Imħallef.

Fil-karriera tiegħu huwa serva bħala Maġistrat f’kawżi ta’ natura kriminali konnessi mal-Qorti tal-Familja, reati ambjentali u reati konnessi ma’ saħħa u sigurtà.  Huwa miżżewweġ u għandu żewġt itfal.

Il-Maġistrati l-ġodda waqt il-ġurament
Il-Maġistrati l-ġodda waqt il-ġurament

Dr Astrid May Grima

Dr Grima twieldet fl-1974 u laħqet avukat fl-2007.

Hija ħadmet fil-prattika privata f’kampi ċivili u tal-liġi tal-familja u sussegwentement serviet bħala Segretarja tal-Bord tad-Diretturi tal-Malita Investments p.l.c u bħala konsulenta legali tal-Aġenzija Identity Malta.

Hija għandha tifel.

Dr Rachel Montebello

Il-Maġistrat Rachel Montebello twieldet fl-1975 u laħqet avukat fl-2000. 

Hija ħadmet fil-kamp ċivili, kummerċjali u tal-familja u anke bħala arbitru. Serviet ukoll bħala Kummissarju għall-Ġustizzja u preżentament hija Court Attorney.

Hija omm ta’ tewmin.

Dr Simone Grech

Twieldet fl-1980 u laħqet avukat fl-2005.

Hija ħadmet fil-prattika privata u anke bħala assistent ġudizzjarju. Fl-2015 hija ġiet maħtura bħala Court Attorney mal-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili u fis-sezzjoni tal-Kummerċ.

Hija miżżewga u għandha żewġt itfal.

More in Politika