Josef Caruana jqabbel il-libelli miftuħa minn Busuttil mal-iSLAPP
L-eks editur tal-gazzetta l-Orrizont se jappella l-libelli li rebaħ l-eks Kap tal-Oppożizzjoni
More in Politika
L-eks editur tal-gazzetta l-Orrizont se jappella l-libelli li rebaħ l-eks Kap tal-Oppożizzjoni
L-eks editur tal-gazzetta l-Orrizont qal li se jkun qed jappella mit-tliet libelli li l-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil rebaħ kontra l-istess kamra tal-aħbarijiet.
F'filmat fuq Facebook, Josef Caruana li llum huwa konsulent tal-Prim Ministru, qal li meta fetaħ dawn il-libelli, l-intenzjoni ta' Busuttil kienet li jagħlaq ħalq il-midja.
Kien f'dan id-dawl li Caruana qabbel dak li għamel l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista mal-iSLAPP, waqt li ddeskrivih "bħala l-aktar politiku inkonsistenti fl-istorja politika ta' pajjiżna."
Insista li għalkemm il-Qorti tal-Maġistrati ordnat lill-Orrizont biex tħallas €5,000, Busuttil ried jieħu sa €15,000.
Filwaqt li Josef Caruana saħaq li Busuttil kellu kull dritt li jiftaħ libell insista li l-fatt li flok wieħed fetaħ tlieta, l-intenzjoni tiegħu kienet li jieħu kemm jista' jkun flus mill-Orrizont.
"Il-poplu jerġa' jiġġudika lil Simon Busuttil għal dak li verament hu," saħaq Caruana waqt li temm il-filmat jiddeskrivi lil Simon Busuttil bħala "ipokrita."
Busuttil kien fetaħ dawn il-libelli wara li bulettini tal-aħbarijie fuq il-ONE u anke artiklu fuq l-Orrizont kienu jallegaw li Simon Busuttil iltaqa’ ma’ Gaffarrena biex jakkwista dokumenti li setgħu tefgħu dell ikrah fuq l-eks Kummissarju Ewropew u eks Ministru Nazzjonalista John Dalli.