'Trabbejt bl-aqwa mod possibbli iżda quddiem id-droga xorta kont dgħajjef'

Clifford Galea jisħaq dwar il-bżonn li tingħata aktar attenzjoni lejn dak li jgħaddu minnu l-vizzju tad-droga

Il-preżentatur u l-kollaboratur fuq il-gazzetta ILLUM, Clifford Galea appella fil-Parlament li hemm bżonn tingħata aktar attenzjoni lejn dak li jgħaddu minnu persuni li jispiċċaw vittmi tal-vizzju tad-droga.

Huwa wassal dan l-appell waqt li għall-ewwel darba, il-Parlament ospita konferenza nazzjonali dwar id-droga, propju fil-Jum Internazzjonali kontra l-Abbuż mill-Użu tad-Droga.

Waqt l-intervent tiegħu, Clifford Galea qal li jeħtieġ li s-soċjetà għandha tagħti l-għajnuna mingħajr l-ebda preġudikazzjoni.

Sosta li għalkemm trabba bl-aqwa mod possibli, kemm fil-familja kif ukoll fil-ħajja soċjali, xorta waħda spiċċa dgħajjef u waqa’ fil-vizzju tad-droga.

Kien għalhekk lii insista li rridu nagħtu aktar attenzjoni lejn xi tfisser il-ħajja ta’ addict.

Kienet il-gazzetta ILLUM li rrakkontat għall-ewwel darba l-istorja ta' Clifford. Dakinhar, Clifford kien saħaq li tibda tfieq mid-droga meta tammetti li għandek problema.

Din il-konferenza kienet organizzata mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali b’kollaborazzjoni mas-Sedqa, Oasi u Caritas Malta.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Michael Falzon, saħaq li l-edukazzjoni dwar dan is-suġġett għandha tibda mill-familja u tkompli fis-sistema edukattiva.

Tkellem dwar il-bidliet fl-użu tad-droga kif ukoll dwar l-introduzzjoni ta’ drogi ġodda, magħrufa bħala synthetic drug,s li sa issa għadhom mhux klassifikati bħala drogi illegali minħabba l-kompożizzjoni innovattiva tagħhom.

Wissa li mhux se jkun hemm l-ebda ħniena ma’ dawk il-persuni li jittraffikaw id-droga.

Il-konferenza trattat ukoll l-użu mediċinali tal-cannabis, u kif għanda ssir distinzjoni ċara bejn l-użu mediċnali u dak rikreattiv.

Dwar it-traffikar tad-droga, ingħataw dettalji dwar il-mod kif jaħdmu t-traffikanti tad-droga u ġie spjegat li din hija tip ta’ kriminalità organizzata. Għaldaqstant, qed tinħass dejjem aktar il-ħtieġa li l-awtoritajiet għandu jkollhom il-massimu tar-riżorsi umani kollha biex jiġġieldu dawn iċ-ċrieki.

F’din il-konferenza nazzjonali ħadu sehem ukoll l-Ispeaker Anġlu Farrugia kif ukoll il-membri tal-Oppożizzjoni Claudio Grech u Maria Deguara.

 

More in Politika