Fi stqarrija maħruġa ftit tal-ħin ilu l-Gvern ħabbar li mhux se jħalli NGOs, simili għal dawk li kienu qed imexxu l-operazzjoni abbord il-bastiment Lifeline, milli joħorġu u jidħlu fil-portijiet Maltin.
Il-Gvern qal li qiegħed jieħu din id-deċiżjoni minħabba informazzjoni li għandu u li sa issa ma kinitx magħrufa. Insista li Malta trid tkun ċerta li dawn l-NGOs, li qed jużaw is-servizzi Maltin, qed jaħdmu skont il-liġijiet nazzjonali u internazzjonali.
"Dan jinkludi, iżda mhux limitat biss, għaċ-ċertifikazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni tal-bastimenti involuti," tkompli l-istqarrija.
Il-Gvern qal li din id-deċiżjoni se tibqa' fis-seħħ sakemm ikunu għaddejin investigazzjonijiet minn awtoritajiet indipendenti u sakemm "dawn il-kwistjonijiet" ikunu kjarifikati.
Minkejja dan, il-Gvern ma ċċarax x'inhi din l-informazzjoni jew dawn il-kwistjonijiet li dwarhom titkellem l-istqarrija.
L-istqarrija ttemm tgħid li jistgħu jibdew ukoll proċeduri ġudizzjarji u għalhekk l-awtoritajiet Maltin ma jistgħu qatt jieħdu deċiżjonijiet li jistgħu jagħtu l-impressjoni li qed japprovaw operazzjonijiet li jistgħu jkunu qed imorru kontra l-liġijiet nazzjonali jew internazzjonali.
Bħalissa, il-kaptan tal-bastiment Lifeline, li lbieraħ iddaħħal Malta b'233 immigrant abbord, qed ikun investigat wara li injora struzzjonijiet mogħtija mill-Italja.