Xejn ġdid mis-summit tal-mexxejja tal-UE
Isemmu biss ċentri komuni għall-kontroll fl-Unjoni Ewropea u rilokazzjoni fuq bażi volontarja
minn Yendrick Cioffi
Minkejja l-istennija għas-summit tal-mexxejja tal-Unjoni Ewroepa dwar l-Immigrazzjoni, is-sigħat twal ta' diskussjoni ma waslu għall-ebda deċiżjoni konkreta li tista' verament iddewwi l-pjaga tal-immigrazzjoni u n-nuqqas ta' qbil li jeżisti fuq din il-kwistjoni.
Il-ftehim li ntlaħaq kmieni dan il-lejl isemmi t-twaqqif, fuq bażi volontarja, ta' ċentri komuni għall-kontroll tal-immigranti fil-pajjiżi membri u li fihom isir il-proċess immedjat li jiddetermina minn ħaqqu l-protezzjoni u min għandu jintbgħat lura.
Il-mexxejja qablu wkoll li anke r-rilokazzjoni tal-immigranti li ħaqqhom il-protezzjoni, fost il-pajjiżi membri, jsir fuq bażi volontarja. Dan ifisser li s-sistema ta' kwoti, bil-għan li jkunu mgħejjuna dawk il-pajjiżi l-aktar milquta, fosthom l-Italja u l-Greċja, sfaxxat fix-xejn, wara l-oppożizzjoni qawwija tal-Polonja, l-Ungerija, ir-Repubblika Ċeka u l-Islovakkja
Il-mexxejja insistew ukoll, kif intqal diversi drabi, li jsaħħu l-miżuri biex ma jkunx hemm dewmien żejjed meta persuni li ma jikkwalifikawx għall-protezzjoni jiġu biex jintbagħtu lura.
In #EUCO conclusions, all #EU Member States agree that vessels operating in the #Mediterranean must respect the applicable laws and not obstruct operations of #Libya Coastguard. Clear and unequivocal wording justifying #Malta actions -JM
— Joseph Muscat (@JosephMuscat_JM) 29 June 2018
It-28 pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea qablu li jsaħħu wkoll il-fruntiera esterna tagħhom biex jonqsu l-immigranti protetti li jimxu minn pajjiżi stat membri għal ieħor, proposta li l-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel kienet qed tinsisti dwarha, anke għax hekk ried il-partit Bavarjan tal-Unjoni Soċjali Kristjana, li miegħu Merkel iffurmat koalizzjoni xi ftit jew wisq fraġli.
Intant, fuq Twitter, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-pajjizi membri qablu wkoll li l-bastimenti fil-Mediterran għandhom jirrispettaw il-liġijiet u mhux jostakolaw il-ħidma tal-Gwardi tal-Kosta Libjani. Insista li dan jiġġustifika l-azzjonijiet li ħadet Malta fl-aħħar jiem dwar il-bastiment Lifeline u l-arrest tal-kaptan tiegħu.
Minkejja li kienu diversi l-opinjonisti li wrew id-diżappunt tagħhom wara dan is-summit, il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte kellu kliem ta' tifħir u qal li issa l-Italja ma għadhiex waħedha u wara dan is-summit, l-Ewropa hija aktar responsabbli u toffri aktar solidarjetà. Sa ftit ħin qabel is-summit, l-Italja kienet qed thedded li tinjora l-konklużjonijiet kollha tal-Kunsill jekk il-pajjiżi membri ma jaċċettawx it-talbiet tagħha.
Iżda, meta mistoqsi mill-ġurnalisti jekk l-Italja hux se taċċetta li jkollha ċentri ta' kontroll, li dwarhom intlaħaq qbil (ara aktar 'il fuq), il-Prim Ministru Taljan qal li d-deċiżjoni tittieħed aktar 'il quddiem.
Min-naħa tagħha, il-Kanċillier Ġermaniż, Angela Merkel ħarġet ftit aktar xettika u qalet li fadal ħafna aktar xi jsir biex jiġu indirizzati kwistjonijiet li dwarhom għad ma hemmx qbil.
Punti oħra ewlenin:
- Tisħiħ tal-kontrolli fuq il-fruntiera esterna tal-Unjoni Ewropea u aktar finanzjament għat-Turkija u pajjiżi oħra fl-Afrika ta' Fuq.
- Il-possibilità li jkun hemm ċentri, barra mill-Unjoni Ewropea, li fihom jitniżżlu l-immigranti salvati.
- Aktar ħidma biex ma jinħolqux rotot ġodda għall-immigrazzjoni, la fuq il-baħar u lanqas fuq l-art.
- €500 miljun mill-Unjoni Ewropea għall-Afrika bil-għan li tassisti lill-kontinent sabiex jissaħħaħ soċjalment u ekonomikament. l-għan aħħari huwa li inqas persuni jkollhom għalfejn jitilqu minn pajjiżhom biex ifittxu ħajja aħjar.
- Aktar ħidma biex tkun aġġornata l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar l-ażil, fosthom bidliet fir-regolamenti magħrufa bħala ta' Dublin.
- Aktar għajnuna mill-Unjoni Ewropea biex tassisti l-ħidma ta' pajjiżi membri, fosthom Spanja, minħabba l-fatt li qed jiżdied l-influss tal-immigranti fil-Punent tal-Mediterran u anke għajnuna lil dawk il-pajjiżi minn fejn qed jaħarbu jew inkella jitilqu l-immigranti, partikolarment il-Marokk.
- Jidħol fit-tieni faċi tiegħu l-programm tal-Faċilità tal-Unjoni Ewropea għar-Refuġjati fit-Turkija, li jagħti assistenza umanitarja lir-refuġjati li bħalissa qed jgħixu fil-pajjiż.
L-UE għażlet li ma tagħtix każ il-problemi ta' pajjiżna - PN
Fi stqarrija b'reazzjoni, il-Partit Nazzjonalista qal li "għall-ewwel darba...ll-Unjoni Ewropea għażlet li ma tagħtix każ tal-problemi li pajjiżna jaffronta u filfatt ma jissemewx imkien
Il-Kelliema tal-Oppożizzjoni Carmelo Mifsud Bonnici u David Stellini saħqu li l-interessi ta' pajjiżi oħra bħall-Italja, il-Ġermanja, Spanja u l-Greċja ġew ikkunsidrati b'soluzzjonijiet, iżda minkejja li l-immigrazzjoni rregolari hija waħda mill-prijorijiet nazzjonali u li għandha bżonn l-għajnuna tal-Unjoni Ewropea biex tissolva, Malta ma ssemmiet imkien.
"Huwa ta' diżappunt ukoll li matul l-aħħar summit Ewropew, l-mexxejja tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea baqgħu ma waslux għal qbil fuq il-qsim tal-piż tal-immigrazzjoni u dan sabiex ikun wieħed mandatorju u ma jibqax volontarju," tisħaq l-istqarrija.
Il-Partit Nazzjonalista qed iħeġġeġ lill-Prim Ministru Muscat biex jikkonvinċi Prim Ministri oħra, fil-grupp politiku tiegħu, biex jaqblu mal-ħolqien ta' reception centres f'pajjiżi li joffru sigurtà fil-kontinent Afrika.
"Fl-istess ħin l-Oppożizzjoni filwaqt li tinnota li sfortunatament l-European Asylum Support Office li jinsab f'pajjiżna tħalla barra mid-dikjrazzjoni, tara li għandu jkun hemm għarfien akbar għall-ħidmet tiegħu bħala parti minn soluzzjoni effettiva," ikompli l-PN.
Ittemm tappella li tistenna li ssir riforma tat-trattat ta' Dublin u għalhekk se tibqa' tħeġġeġ lill-Gvern biex jaħdem lejn din id-direzzjoni u tesiġi li l-Gvern ikun trasparenti mal-poplu kollu dwar l-immigrazzjoni.