Jikkampanjaw kontra l-abort minn fuq l-ambone

...membri tal-Fondazzjoni Life Network jitolbu l-għajnuna waqt il-quddiesa tal-Ħadd

Issa li l-liġi emendata tal-IVF għandha d-daqqa tal-firma tal-President, il-Fondazzjoni Life Network qed issaħħaħ il-kampanja tagħha favur "il-ħajja mill-konċepiment sat-tmiem naturali tagħha."

Bħalissa, membri tal-Fondazzjoni qed iduru l-parroċċi u waqt il-quddiesa qed iħeġġu lil dawk kollha li jridu jiddefendu l-ħajja biex jingħaqdu magħhom u anke jgħinuhom finanzjarjament.

Nhar il-Ħadd li għadda, membri tal-Fondazzjoni Life Network kienu fil-parroċċa ta' Ħaż-Żebbuġ u wara l-omelija, membru telgħet u filwaqt li ħeġġet lil kulħadd biex jirrispetta l-ħajja mill-konċepiment sal-mewt naturali, talbet lil kull min għandu għal qalbu l-ħajja, biex jissieħeb magħhom.

Qalet ukoll li l-Fondazzjoni Life Network, fil-ġimgħat li ġejjin se tkun qed iddur il-knejjes kollha ta' Malta u Għawdex biex twassal dan il-messaġġ.

Fi tmiem il-quddiesa tqassam ukoll xi materjal, inġabru xi donazzjonijiet u anke ttieħdu d-dettalji ta' dawk kollha li jixtiequ jgħinnu lill-fondazzjoni.

F'Malta, id-dibattitu dwar l-abort ifeġġ iżda jerġa' jmut waħdu fi ftit jiem. Ġimgħat ilu, il-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa ppreżentat position paper li fiha qed tisħaq li l-abort għandu jkun legalizzat f'ċertu sitwazzjonijiet, fosthom meta tfajla jew mara tkun sfat vittma ta' stupru.

Kemm il-Gvern u anke l-Oppożizzjoni dejjem iddikjaraw li huma kontra l-abort f'kull ċirkostanza.

Fi Frar li għadda, stħarriġ tal-MaltaToday kien sab li l-abort jibqa' mhux aċċettat mill-maġġoranza assoluta tal-Maltin, hi x'inhi l-età tagħhom. Mistoqsija jekk jaqblux mal-abort fl-ewwel 12-il xahar tat-tqala, 83% wieġbu le.

L-uniku darba li maġġoranza relattiva tal-Maltin qablu mal-abort kien meta ġew mistoqsija jekk jaqblux li għandu jsir legali f'każijiet meta l-ħajja tal-omm tkun fil-periklu. 46% wieġbu iva, 27% qalu le u 27% oħra qalu li mhux ċerti.

Il-Maltin ma jaqblux mal-abort lanqas f'każijiet ta' stupru. 15% biss wieġbu favur, 72% wieġbu kontra u 13% ma kinux ċerti.

Aqra aktar: 

More in Politika