Madwar 100 immigrant huma maħsuba li tilfu ħajjithom wara li d-dgħajsa li kienu fuqha nqalbet ftit 'il barra mill-kosta Libjana.
Skont il-Gwardji tal-Kosta Libjani, madwar 14-il persuna ġew salvati, iżda għexieren oħra għadhom ma nstabux.
Dan l-inċident seħħ ftit jiem wara li Malta aċċettat li ddaħħal għandha bastiment li kellu fuqu 233 immigrant wara li kien ilu sitt ijiem bejn sema u ilma.
Kemm l-Italja u anke Malta kienu qed jirrifjutaw li jilqgħu l-bastiment wara li l-kaptan kiser liġijiet internazzjonali meta injora struzzjonijiet mogħtija lilu mill-Italja.
Il-bastiment ddaħħal biss meta Malta assigurat li pajjiżi oħra membri jgħinu lil Malta u jieħdu wħud mill-immigranti.
Intant, wara din il-kriżi, il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea ltaqgħu f'summit li minnu ma ħareġ xejn ġdid, għajr li r-rilokazzjoni tal-immigranti li ħaqqhom il-protezzjoni se tibda ssir fuq bażi volontarja.