L-MFSA titlob lil Bank Ċentrali Ewropew biex jirtira l-liċenzja tal-Bank Pilatus

Il-Bank Pilatus mitlub jirtira l-liċenzja mill-MFSA li tiddikjara lil Hasheminejad bħala 'persuna mhux adattata' biex tmexxi l-bank

L-Awtorità Maltija għas-Sevizzi Finanzjarji (MFSA) għadha kemm ħabbret illi se tkun qed titlob lill-Bank Ċentrali Ewropew biex jirtira l-liċenzja tal-Bank Pilatus. Dan il-bank kien f'nofs kontroversji u allegazzjonijiet jaħarqu. Fosthom u primarjament l-allegazzjoni illi f'dan il-Bank kien hemm dokumenti li juru illi Egrant Inc. hija ta' mart il-Prim Ministru, Michelle Muscat u li għaddew mal-$1 miljun dollaru mill-kont ta' bint il-mexxej tal-Ażerbajġan Aliyev. 

Fi stqarrija l-MFSA sostniet li wara li Ali Sadr Hasheminejad kien arrestat fuq akkużi li ffroda lill-Istati Uniti, biċ-ċans li jqatta' ħajtu l-ħabs, "bħala riżultat ta' din l-akkuża, l-MFSA m'għadhiex sodisfatta li l-UBO (Ultimate Beneficiary Owner)  huwa persuna adattata kif meħtieġ mill-Att Bankarju. 

Iktar kmieni din is-sena Il-Bank Pilatus ingħata daqqa ta' sieq 'l barra mill-Assoċjazzjoni tal-Bankiera Maltin (MBA).  Fi stqarrija l-MBA kienet qalet illi nnotat l-avvenimenti tal-arrest ta' Hasheminejad u allura keċċiet lill-bank mill-istess assoċjazzjoni.

Dan il-bank huwa wkoll il-post fejn kienet taħdem Maria Efimova l-mara wara l-allegazzjoni 'Egrant' u li kienet żvelat ukoll kif il-Bank Pilatus jopera fuq id-depożiti ta' madwar 300 klijent biss, bi ftit minnhom li huma klijenti kbar. Fil-fatt, Daphne Caruana Galizia kienet allegat illi skont sorsi li kellmuha tnejn, minn madwar tliet klijenti kbar tal-bank, huma Heydar Aliyev u Leyla Aliyeva. Iben u bint Ilham Aliyev. Hija kienet qalet ukoll li l-akbar klijent huwa Kamaladdin Heydarov, Ministru fl-Ażerbajġan.

Il-familja Aliyev, hija waħda li għandha ġid u poter kbir ħafna. Mart Ilham Aliyev hija sidt fondazzjoni li kellha kontroll sħiħ ta’ AtaHolding. Il-bniet ta’ Aliyev kienu jikkontrollaw kumpanija inkorporata fil-Panama u tnejn oħrajn fil-British Virgin Islands.

L-Ażerbajġan ftit kellha rabta ma’ Malta għajr għal iktar kmieni fl-ewwel leġislatura ta’ Gvern Laburista illi matulha kien iffirmat ftehim mal-ġgant tal-enerġija mill-Ażerbajġan SOCAR, li kien ifisser il-bini tal-Power Station il-ġdida li taħdem bil-gass f’Delimara. 

Meta applika u meta ingħata l-liċenzja...

L-applikazzjoni biex dan il-Bank jiftaħ u jopera f’Malta beda fl-2012, dak iż-żmien taħt Gvern Nazzjonalista. Il-gazzetta ILLUM kienet fil-fatt żvelat dan. Dokumenti tal-MFSA, li fil-fatt kienu ppubblikati fuq l-istess illum.com.mt juru li r-reġistrazzjoni tal-Pilatus saret fis-6 ta’ Diċembru 2013 u ħarġet il-liċenzja tal-Bank fis-6 ta’ Awwissu 2015. Dokument ieħor juri li fil-fatt liċenzja oħra li ngħata l-Bank (Trading Licence) kien fl-2014. 

'...il-Gvern baqa' jkaxkar saqajh...'

Intant fi stqarrija l-PN sostna li r-revoka tal-liċenzja tal-bank Pilatus mill-MFSA "waslet xhur tard bi ħsara għar-reputazzjoni ta' pajjiżna. In-nies kienu ilhom daż-żmien kollu jistennew li l-Gvern jieħu d-deċiżjonijiet li kellu jieħu sabiex iħares ir-reputazzjoni tajba tas-settur tas-servizzi finanzjarji u l-impiegi u l-ġid li joħloq dan is-settur. Minflok il-Gvern dam xhur jippersisti biex jieħu d-deċiżjoni li kellu jieħu xhur ilu." 

"Il-Partit Nazzjonalista ilu aktar minn sena jgħid li l-bank Pilatus ma kellux jaħdem f'Malta għax kien qed jipperikola lis-settur tas-servizzi finanzjarji filwaqt li jtappan ir-reputazzjoni tajba ta' dan is-settur u ta' Malta madwar id-dinja. Għal raġunijiet li jaf hu biss il-Gvern baqa' jkaxkar saqajh u ma ta' każ ħadd," insista l-PN.  

L-istorja kollha tal-Bank Pilatus u n-nies li b'xi mod missew miegħu;  Hawnhekk

More in Politika