Aġġornata | NGOs u l-Knisja jikkundannaw id-deċiżjoni tal-Gvern li jagħlaq il-portijiet
...fi stqarrija għadd ta' NGOs u kummissjonijiet saħqu li d-deċiżjoni jista' jkollha 'konsegwenzi fatali'
More in Politika
...fi stqarrija għadd ta' NGOs u kummissjonijiet saħqu li d-deċiżjoni jista' jkollha 'konsegwenzi fatali'
NGOs u anke l-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tal-Arċidjoċesi, ingħaqdu flimkien fi stqarrija li biha kkundannaw id-deċiżjoni tal-Gvern Malti li jagħlaq il-portijiet għall-bastimenti ta’ dawk l-NGOs li jmexxu operazzjonijiet ta’ salvataġġ ta’ immigranti, u wissew li deċiżjoni bħal din jista’ jkollha 'konsegwenzi fatali.'
B’kollox kienu 17-il NGO li ffirmaw din l-istqarrija li tisħaq li kawża ta’ dak li ddeċieda l-Gvern Malti, għadd ta’ NGOs ma jistgħux ikomplu jsalvaw il-ħajjiet fil-Mediterran.
Aktar tard, l-Isqof ta' Għawdex Mario Grech, fuq Facebook ħabbar li jaqbel ma' dak kollu li tgħid l-istqarrija u ngħaqad mal-NGOs huma u jappellaw lill-Gvern Malti biex kemm jista’ jkun malajr jerġa’ jikkunsidra d-deċiżjoni li ħa.
Huma fakkru li r-rotta mil-Libja għall-Italja, li qed tintuża minn għadd kbir ta’ immigranti rregolari, qed issir ħafna aktar perikoluża. Saħqu li s-sena li għaddiet, mietu 2,853 persuna fl-ibħra bejn il-Libja u l-Italja u fl-ewwel xhur ta’ din is-sena tilfu ħajjithom 635 persuna oħra.
Kien għalhekk li saħqu li d-deċiżjoni ta’ Malta se tkun tfisser li aktar persuni se jitilfu ħajjithom huma u jaħarbu bit-tama ta' ħajja aħjar.
Fakkru li l-immigranti fil-Libja ħafna drabi jispiċċaw vittmi tal-istupru u t-tortura, b'ħafna minnhom jispiċċaw skjavi u oħrajn jinżammu f’kundizzjonijiet miżeri.
L-istqarrija hija ffirmata minn: Aditus Foundation, l-Eritrean Community, Foundation for Shelter and Support to Migrants, Graffiti, I-AFR, Integra Foundation, JRS Malta, il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, Kopin, Libico, Kummissjoni Emigranti, Migrant Women Association Malta, PFC, PHROM, Solidarity with Migrants Group, SOS Malta u Spark 15.