Il-PN jisħaq li 40,000 ħaddiem barrani se jżidu l-pressjoni fuq l-infermiera

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Partit Nazzjonalista jgħid li l-Gvern ma għandux pjan fit-tul għas-settur tas-saħħa

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern ma għandux pjan fil-qasam tas-saħħa tant li insista li mhux qed iħares fit-tul u mhux jikkunsidra kif aktar ħaddiema barranin f’Malta se jkunu qed iżżidu d-domanda għas-servizzi tas-saħħa u allura kif se tiżdied il-pressjoni fuq l-infermiera fl-oqsma kollha tas-settur.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, li matulha saret referenza għall-dak żvelat ilbieraħ mill-gazzetta ILLUM, jiġifieri li madwar 15-il operazzjoni qed jitħassru fil-ġimgħa minħabba nuqqas ta’ infermiera, il-Partit Nazzjonalista insista li s-settur tas-saħħa huwa mitluq u l-Gvern mhu qed jagħmel xejn biex jindirizza l-pressjoni li qed tinħoloq fuq l-infermiera.

Il-kandidat Nazzjonalista, it-tabib Herman Farrugia, insista li inutli li l-Gvern jiftaħar b’ċentri tas-saħħa ġodda jekk imbagħad ma jkunx hemm biżżejjed infemiera.

Kien hawnhekk, li waqt li fakkar fil-pjan tal-Gvern li jġib Malta madwar 40,000 ħaddiem barrani, insista li l-pressjoni se tibqa’ tiżdied u “l-Gvern mhux jagħti kas ta’ din il-pressa esaġerata li qed tinħoloq fuq il-kura primarja.”

It-tabib Farrugia tkellem b’mod partikolari dwar il-ħtieġa li fiċ-ċentri tas-saħħa jkun hemm biżżejjed infermiera, għax fi kliemu jeħtieġ sistema ta’ kura primarja li tilqa’ għall-pressjoni fuq Mater Dei.

Intant, waqt il-konferenza tkellem ukoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa, Stephen Spiteri, li saħaq kif il-pazjenti qed ibatu minħabba n-nuqqas ta’ ħeġġa mill-Gvern fis-settur tas-saħħa.

Waqt li saħaq li hawn madwar 550 infermier nieqes u anke waqt li rrefera għall-istorja tal-gazzetta ILLUM, Spiteri qal li l-problema trid tiġi indirizzata mill-għeruq tagħha, jiġifieri l-bżonn li jkunu attirati studenti li jistudjaw biex isiru infermiera.

Iż-żewġ kelliema insistew li aktar mhu se tidher u tiżdied il-pressjoni fuq l-infermiera, inqas se jkun hemm studenti li jistudjaw għal infermiera, bil-konsegwenza li l-problema tkompli tikber.

Spiteri temm jisħaq li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jsus wara l-Gvern u se jagħti l-appoġġ kollu lill-infermiera u anke lill-unjins tagħhom biex il-Gvern jiċċaqlaq mill-pożizzjoni ta’ “staġnar” fil-qasam tas-saħħa.

"Il-Gvern qed isewwi l-ħsara li saret mill-PN' - PL

Fi stqarrija b'reazzjoni, il-Partit Laburista qal li l-Partit Nazzjonalista spiċċa partit li mal-inqas aħbar f’ġurnal isejjaħ konferenza tal-aħbarijiet  biex jgħid li l-gvern m’għandux pjan.

"Il-verità hi li bi pjan il-gvern qed isolvi l-problemi tan-nuqqas ta’ pjan fi żmien Gvern Nazzjonalista," tgħid l-istqarrija.

Il-Partit Laburista akkuża lill-PN li meta kien fil-Gvern "ħaseb li għandna infermiera biżejjed u llimita n-numru ta’ studenti li jidħlu fil-kors ta’ infermiera fl-Università."

Fakkar li llum dan inbidel u insista li apparti minn hekk infetħet skola ġdida għall-infermiera ma’ Steward Healthcare u l-MCAST. 

"L-attitudni tal-PN hi waħda ta’ partit populist li jitkellem ħafna iżda mbagħad m’għandux imqar proposta ġdida," ittemm tgħid l-istqarrija.

Aqra aktar: 

More in Politika