Jissuppervja għax ma ħallewlux post quddiem għall-ġurament
L-Arċisqof ma tantx jidher li ħa gost meta nduna li ma kellux post fl-ewwel filliera
More in Politika
L-Arċisqof ma tantx jidher li ħa gost meta nduna li ma kellux post fl-ewwel filliera
L-Arċisqof ma tantx jidher li ħa pjaċir u għal mument issuppervja għaliex waqt is-sessjoni Parlamentari fis-Sala tal-Gran Kunsill, illi fiha George Vella ngħata l-ġurament, ma kellux siġġu fuq quddiem.
Żewġ sorsi differenti li kienu fuq il-post qalu illi tant l-Arċisqof donnu kien se jieħu għalih fil-bidu, li kellu jidħol l-iskrivan tal-Kamra tar-Rappreżentanti, Ray Scicluna biex jispjegalu għalfejn ma setax joqgħod quddiem.
Din il-gazzetta ċemplet lill-iskrivan Scicluna biex tara jekk hux vera li nqala’ għagħa għax l-Arċisqof ma kellux post quddiem.
Hu kkonferma li fil-fatt kellu jispjega lill-Arċisqof illi skont il-protokoll huma l-Membri Parlamentari li joqogħdu quddiem u jingħataw preċedenza u ħaddieħor wara, kif qagħad l-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona meta kienet qed tieħu l-ġurament Marie Louise Coleiro Preca.
It-tnejn min-nies li kellmu lil din il-gazzetta sostnew illi għal mument l-Arċisqof kien saħansitra qed jgħid li se jitlaq ’il barra, iżda jidher li l-ispjegazzjoni tal-iskrivan tal-Kamra kienet biżżejjed biex kollox imut hemmhekk.
Is-sala tal-Gran Kunsill, nhar il-Ħamis, intużat bħala l-post fejn tlaqqgħet seduta tal-Parlament illi matulha George Vella ħa l-ġurament bħala l-għaxar President ta’ Malta.