‘Il-Persons of Trust’ għandhom jagħmlu d-dikjarazzjoni tal-assi tagħhom ukoll

Il-ġimgħa li għaddiet ħareġ ir-rapport Greco dwar Malta. Imma dawn il-55 paġna x’jgħidu eżatt? X’jikkritikaw? Lil min jikkritikaw? U lil min qed jipproponu?

Ir-rapport Greco qed jappella lill-Gvern Malti sabiex iwessa’ l-kunċett tad-dikjarazzjoni tal-assi lil hinn mill-politiċi u fost dawk in-nies l-aktar qrib ta’ ministru, inkluż ‘Persons of Trust.’

Bħalissa d-dikjarazzjoni tal-assi, u allura dak li persuna għandha bħala flus, proprjetà, investiment, ishma u ħafna iktar, issir biss mill-Membri Parlamentari kollha. Din issir għall-fini ta’ trasparenza u biex ikun assigurat jew imnaqqas iċ-ċans ta’ kunflitt ta’ interess.

Ir-rapport Greco jappella biex il-mekkaniżmu tad-dikjarazzjoni tal-assi ikun estiż “lil persuni li huma fdati b’funzjonijiet eżekuttivi, inkluż ‘Persons of Trust’ li huma assoċjati mal-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijet tal-ministru.”

Ir-rapport jgħid ukoll illi dawk kollha li jagħmlu dikjarazzjoni tal-assi  għandhom jgħadduha lill-Kummissarju għall-Istandards Pubbliċi u li jkun fiha wkoll id-dikjarazzjoni tal-assi ta’ mart/żewġ il-persuna pubblika, għalkemm din tal-aħħar mhux neċessarjament issir pubblika. Id-dikjarazzjoni tal-assi, jgħid ir-rapport, għandha tkun online.

Ir-rapport ifakkar illi kif inhuma l-affarijiet illum, jekk politiku jagħmel dikjarazzjoni falza jew inkella ma jagħmilx dikjarazzjoni jew iħalli informazzjoni barra ma jkunx ippenalizzat.

Id-dokument ta’ 55 paġna jinsisti illi d-dikjarazzjonijiet ta’ dawk qrib il-Ministru u b’responsabilitajiet eżekuttivi għandhom ikunu suġġetti għal sorveljanza effettiva u proattiva mill-Kummissarju tal-Istandards Pubbliċi. Jipproponi wkoll iżda illi f’każ fejn id-dikjarazzjonijiet ma jkunux korretti jew preċiżi l-uffiċjal ikollu jiffaċċja “sanzjonijiet effettivi u proporzjonati.”

X’jgħid ir-rapport dwar il-Kummissjoni Nazzjonali kontra l-korruzzjoni?

Ir-rapport tal-Greco ma tantx jagħżel kliem sabiħ dwar il-Kummissjoni Nazzjonali kontra l-Korruzzjoni li qalet illi fil-kuntest, lokali, kurrenti m’hemm ebda valur miżjud għal din il-Kummissjoni.

“Huwa għalhekk mhux sorprendenti illi t-tentattivi tal-Kummissjoni Nazzjonali kontra l-Korruzzjoni kienu negliġibbli,” jgħid ir-rapport. Ifakkar illi minkejja li l-Kummissjoni ilha teżisti mill-1988 u ppresediet 428 investigazzjoni, “jidher illi bilkemm kellha suċċess fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni għax mhux ċar jekk qattx tressaq xi ħadd il-Qorti fuq bażi ta’ rapport tal-Kummissjoni.”

Ifakkar illi l-għoti jew il-kisba ta’ informazzjoni mill-Kummissjoni hija illegali, tant illi ħadd mill-Kummissjoni ma seta’ jagħti informazzjoni lil dawk li kienu qed jiktbu r-rapport. “Għalhekk din l-istituzzjoni ma tistax tkun pubblikament kontabbli minkejja l-irwol ċentrali tagħha fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni.”

 Ir-rapport jinsisti li s-sistemi ta’ investigazzjoni kriminali u ta’ prosekuzzjoni għandhom ikunu riformati biex ikunu aktar effettivi. Tgħid fil-fatt illi minħabba nuqqas ta’ struttura li tista’ tkopri l-korruzzjoni “ħafna każi kontra PTEFs (Persons Entrusted with Top Executive Functions) jeħlu fi stadju kmieni fil-proċeduri kriminali.”

B’hekk il-Greco qed tirrakkomanda li tkun irriformata s-sistema ta’ investigazzjoni kriminali u sistema ta’ prosekuzzjoni skont il-linji identifikati mill-Kummissjoni ta’ Venezja, billi l-prosekuturi jingħataw irwol ċentrali. Interessanti u aktar importanti huwa li l-Greco qed jappella biex ikun ċar għall-qafas investigattiv illi inkjesta jew investigazzjoni jistgħu jkunu bbażati fuq suspett raġonevoli u ma jkollhomx bżonn evidenza li hija mogħtija lilhom. Din mhux dejjem issir.

Kif jgħid ir-rapport u kif fil-fatt beda jsir, il-Gvern qed jadotta l-proposti tal-Kummissjoni Venezja.

U x’qalu dwar il-Libertà tal-Informazzjoni?

F’demokrazija li qed taħdem kif suppost ikollok id-dritt tal-espressjoni, imma wkoll id-dritt tal-informazzjoni biex inti tkun fil-libertà tiddeċiedi u tifforma opinjoni.

Ir-rapport jgħid li nstab illi f’Malta l-aċċess għall-informazzjoni “hija kwistjoni problematika” u nnutat li dan kien partikolarment fil-każi tas-settur tal-enerġija f’dak li jirrigwarda tenders pubbliċi u nuqqas ta’ informazzjoni.

Hawnhekk iddur fuq dak magħruf bħala l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni (Freedom of Information Act). Tgħid illi dan l-Att jagħmel eċċezzjonijiet ta’ meta informazzjoni ma tistax tingħata u jinsisti li dawn huma wisq vagi u mifruxa fl-iskop u jagħti eżempji; ‘dokumenti li jaffetwaw l-interessi finanzjarji jew ta’ proprjetà tal-awtoritajiet pubbliċi’ u ‘dokumenti interni.’

Il-Greco qed jirrakomanda illi l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni jkun suġġett għal analiżi indipendenti kif ukoll li l-eċċezzjonijiet ikunu aktar speċifiċi.

‘L-appoġġ politiku jieħu preċedenza fuq l-infurzar ...’

Ir-rapport jinsisti li ħa kont ta’ kontroversji varji illi saru partikolarment relatati ma’ kuntratti tal-Gvern.

Ir-rapport jgħid li hemm numru ta’ nuqqasijiet li jeħtieġ ikunu investigati. Fosthom isemmi kif l-awditjar tal-kuntratt tal-fornitura tal-gass dam għaddej tliet snin qabel imbagħad jgħid illi “hemm perċezzjoni f’Malta illi l-appoġġ politiku ħafna drabi jieħu preċedenza fuq l-infurzar tal-liġi u l-interess ġenerali.”

‘Bżonn li l-Korp tal-Pulizija jkun newtrali biex jirbaħ lura l-fiduċja’

Ir-rapport jidħol fuq is-suġġett tal-Pulizija diversi drabi. Imma hemm punt partikolarment interessanti u dan huwa dwar ir-relazzjoni bejn il-Pulizija u l-informazzjoni li tingħata.

Jgħid illi hemm akkużi fil-konfront tal-pulizija illi huma ineffettivi u ubbidjenti lejn il-Gvern. “Waħda mir-raġunijiet hija n-nuqqas ta’ informazzjoni li hija miftuħa għall-pubbliku dwar azzjoni li tkun possibilment ittieħdet dwar suspetti minn uffiċjali u membri tal-Gvern li jkunu involuti f’korruzzjoni jew azzjonijiet illegali.”

Il-Greco tipproponi illi jsiru eċċezzjonijiet għall-projbizzjoni tal-komunikazzjoni mal-pubbliku fuq każ li qed ikun investigat mill-pulizija u biex ikun hemm miżuri għal politika dwar il-komunikazzjoni mill-pulizija.

Il-Greco qed tipproponi li jkun hemm strateġija kontra l-korruzzjoni fil-Korp tal-Pulizija “biex tkun irrestawrata l-fiduċja pubblika fil-Korp permezz ta’ regoli effettivi, sistemi bbażati fuq il-mertu, indipendenza operazzjonali u newtralità politika.”

Pulizija Whistleblowers

Intant proposta interessanti hija dik illi permezz tagħha l-Greco qed tipproponi li pulizija li jirrapporta att skorrett jew korrott għandu jingħata l-protezzjoni.

Fil-fatt dan mhux qed iseħħ bħalissa hekk kif pulizija li jirrapporta pulizija ieħor ma jistax jibqa’ anonimu.

Il-Greco tgħid li din is-sitwazzjoni tagħti l-impressjoni li l-Att dwar il-Whistleblowers ma japplikax għall-pulizija.

X’qal ir-rapport Greco dwar dawn in-nies?

Ir-rapport tal-Greco jsemmi numru ta’ nies, forsi mhux b’isimhom imma bil-kariga. Dawn huma fost in-nies li jissemew u l-kuntest illi fihom issemmew:

John Dalli: Ir-rapport jgħid illi l-pożizzjonijiet ta’ fiduċja (Positions of Trust) ħafna drabi ngħataw lil nies, “involuti f’kontroversji...inkluż kunflitti ta’ interess, tixħim, favuri, nepotiżmu...u aktar.” Hawnhekk huwa jsemmi lil John Dalli (mhux b’ismu imma bil-kariga) u jgħid illi wara allegazzjonijiet ta’ tixħim mill-industrija tat-tabakk, Dalli kien appuntat konsulent speċjali għas-saħħa.

Għalkemm dan mhu xejn ġdid, iż-żewġ fatti tpoġġew ħdejn xulxin biex jingħata l-eżempju.

Franco Mercieca
Franco Mercieca

Franco Mercieca: Mercieca jissemma fil-parti tar-rapport illi fih qed jingħad li hemm bżonn li jkun aktar ċar l-irwol ta’ politiku li jkollu wkoll irwoli privati. Isemmu l-każ ta’ Mercieca u jfakkru kif dan ingħata permess biex ikompli xogħol ta’ oftamoloġista, minkejja li kien Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u Diżabilità.

George Hyzler
George Hyzler

George Hyzler: Hyzler jissemma bħala l-Kummissarju għall-Istandards Pubbliċi diversi drabi. Kif fil-fatt nistgħu naraw f’dan l-artiklu, dan il-kummissarju jissemma bħala l-persuna li minn taħtu jeħtieġ jgħaddu id-dikjarazzjonijiet tal-assi, li hawnhekk qed ikun propost li jsiru lill-‘Persons of Trust’ ukoll.

Il-PM Joseph Muscat
Il-PM Joseph Muscat

Joseph Muscat: Il-Prim Ministru jissemma diversi drabi fosthom jingħad illi l-kontroversja dwar Egrant turi “l-inabilità tas-sistema tal-ġustizzja ta’ Malta li taħdem b’informazzjoni jew talba għall-attenzjoni tal-pulizija, prosekuzzjoni jew maġistrat.

Hawnhekk u f’referenza għall-kwistjoni tal-Panama, ir-rapport jgħid illi l-Pulizija ma li fetħux każ minħabba li ma kienx hemm biżżejjed provi, “anke jekk ma kienx hemm dubju li l-kontijiet offshore kienu maħluqin f’ċirkostanzi dubjużi,” jgħid ir-rapport.

Il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar
Il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar

Il-Kummissarju tal-Pulizija: Il-Kummissarju jissemma diversi drabi. Fosthom jingħad kif l-għażla tal-Kummissarju hija wisq fuq id-diskrezzjoni tal-Gvern u jipproponi li kriterji oġġettivi mibnijin fuq il-mertu għandhom jintużaw fl-għażla tal-Pulizija, minn fuq s’isfel.

More in Politika