Il-PD jappoġġa l-kawża tal-NGOs dwar il-proġett tal-mina bejn il-gżejjer

Il-PD jinsisti li qabel ma jsir il-proġett għandhom jitlestew l-istudji finanzjarji u ambjentali

Il-Limbordin, San Pal il-Baħar minn  fejn tiżbokka l-mina jekk issir
Il-Limbordin, San Pal il-Baħar minn fejn tiżbokka l-mina jekk issir

Il-Partit Demokratiku fi stqarrija laqa' l-azzjoni legali li ħadu it-12-il NGO dwar il-mina bejn Malta u Għawdex nhar is-Sibt li għadda. Il-PD sostna illi jinsab imħasseb ħafna li l-gvern ħa d-deċiżjoni mingħajr ma saret evalwazzjoni sura tal-implikazzjonijiet ambjentali u finanzjarji.

“Qabbadna konsulenti tekniċi biex jevalwaw id-dokument ‘Economic Cost Benefit analysis of available strategic options’ (ECB). Minkejja li dan id-dokument inħareġ f’Settembru tal-2015, dawk favur il-mina jirreferu għalih biex jiġġustifikaw id-deċiżjoni biex issir il-mina,” stqarr il-Kap tal-PD Godfrey Farrugia. “Dik l-analiżi Economic Cost Benefit hija fundamentalment żbaljata u ma tistax tintuża biex tiġġustifika deċiżjoni ta’ dan il-kobor,” kompla jgħid.

“Aħna qegħdin ninsistu li ma tittieħed l-ebda deċiżjoni finali sakemm l-istudji finanzjarji u ambjentali kollha jitlestew. Il-gvern qed isostni li aktar studji qed jiġu ppreparati, inkluż aġġornament tal-analiżi Economic Cost Benefit. Nisperaw li l-iżbalji tad-dokument ta’ Settembru 2015 ma jiġux ripetuti f’dawn l-istudji aġġornati,” stqarr is-Segretarju Ġenerali u kandidat għall-Ewropa Martin Cauchi Inglott.

 

More in Politika