Metsola tmexxi b'suċċess leġiżlazzjoni dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntieri

Il-Gwardja Ewropea tal-fruntieri u l-kosti: Korp ta’ 10,000 sal-2027

Roberta Metsola, MEP tal-Partit Nazzjonalista
Roberta Metsola, MEP tal-Partit Nazzjonalista

L-MEPS approvaw liġi ġdida biex tissaħħaħ il-Gwardja Ewropea tal-Fruntieri u l-Kosti, biex il-fruntieri esterni tal-UE jiġu protetti aħjar.

Il-bidliet għall-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (FRONTEX), li diġà hemm qbil dwarhom mal-ministri tal-UE, għandhom jirriżolvu n-nuqqasijiet attwali u jirrispondu aħjar għall-bżonnijiet eżistenti fir-rigward tas-sigurtà u l-migrazzjoni.

L-MEP Maltija Roberta Metsola fil-fatt iggwidat il-leġiżlazzjoni fil-Parlament Ewropew. Hi qaletli din il-liġi ser tittrasforma l-mod li bih l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta tittratta l-migrazzjoni, "inkluż permezz tal-iżgurar li ser ikun hemm 10,000 gwardja u persunal tal-fruntieri; it-titjib tal-ġlieda kontra l-kriminalità trans-konfini; il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u l-għajnuna fir-ritorn ta’ dawk li mhumiex eliġibbli għall-protezzjoni.  Din hija liġi li ser tkun iebsa ma dawk li mhumiex eliġibbli u ma dawk li jabbużaw minn dawk l-iżjed vulnerabbli.  Iċ-ċittadini talbuna għal din is-sistema u kkonkludejnieha  f’ħin rekord.”

Korp permanenti ta’ 10 000 persuna sal-2027

Korp permanenti ser jiġi stabbilit biex jgħin il-pajjiżi tal-UE fil-kontroll tal-fruntieri u fir-ritorni, kif ukoll fil-ġlieda kontra l-kriminalità trans-konfini.  Sal-2021 dan il-korp għandu jammonta għal 5 000 u jogħla għal 10 000 sal-2027.  Għandu jinkludi wkoll persunal li jista’ jintbgħat malajr fejn ikun meħtieġ f’każ ta’ emerġenzi.

Il-korp ser jikkonsisti minn gwardji tal-fruntiera u tal-kosta impjegati mill-aġenzija, kif ukoll persunal issekondat mill-istati membri.

Proċeduri aktar effiċjenti ta’ ritorn u ta’ kooperazzjoni mal-pajjiżi barra l-UE

Bir-regoli l-ġodda issa l-aġenzija għandha tkun tista’ tappoġġa r-ritorni li jwettqu l-istati membri, pereżempju billi tidentifika ċittadini ta’ pajjiżi mhux fl-UE li jkollhom soġġorn irregolari u billi tgħin l-awtoritajiet nazzjonali biex jiksbu d-dokumenti tal-ivvjaġġar.  Ir-regoli l-ġodda ser isaħħu wkoll il-kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-UE għall-Appoġġ fil-Qasam tal-Ażil (EASO).

Il-kooperazzjoni mal-pajjiżi mhux fl-UE ser tissaħħaħ ukoll billi ser ikunu possibbli ftehimiet ġodda mhux biss mal-pajjiżi ġirien tal-UE, kif huwa l-każ bħal issa. Ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-protezzjoni tad-data personali f’tali kooperazzjoni ser tkun aċċertata permezz ta’ bosta sistemi ta’ protezzjoni.  Barra minn hekk, numru importanti ta’ persuni li jivvalutaw ir-rispett tad-drittijiet fundamentali ser jaraw regolarment li l-attivitajiet operattivi tal-aġenzija jkunu konformi mad-drittijiet fundamentali.

Il-passi li jmiss

Ir-regoli ġew adottati b’403 vot favur, 162 kontra u 44 astensjoni.  It-test issa jrid jiġi approvat formalment mill-Kunsill qabel ma jidħol fis-seħħ.

More in Politika