Jirriżenja mill-PN ... jgħid li t-tmexxija m'għadx għandha mandat biex tmmexxi

Il-President tal-Eżekuttiv tal-PN jirriżenja u jgħid li r-riżultat elettorali "kisser il-mandat" tat-tmexxija tal-PN 

Mark Anthony Sammut
Mark Anthony Sammut

Il-President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista Mark Anthony Sammut irreżenja mill-kariga fl-istess ġurnata illi tlaqqa' l-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista biex jiddiskuti co-option fil-Parlament, wara li David Stellini rreżenja minn Deputat tal-PN. 

F’messaġġ b’saħħtu ħafna lill-midja, fil-bieb tad-Dar Ċentrali, Sammut, sostna illi r-riżultat “diżastruż” li kiseb il-PN f’dawn l-elezzjonijiet “ikisser kull mandat li għandha t-tmexxija tal-partit. Kien x’kien il-mandat, illum b’dan ir-riżultat, huwa irrelevanti.”

Din kienet l-ewwel u l-aktar stqarrija b’saħħitha fil-PN minn meta kienu mħabbrin ir-riżultati ħżiena ħafna tal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali illi raw lill-PN jitlef b’distakk ta’ 43,000 u 47,000 vot rispettivament.

Imma Sammut ma waqafx hemm u kompla jinsisti illi l-poplu se jagħti l-ġudizzju tiegħu u se jara min verament qed jaħdem għall-partit u min qed jaħdem għalih innifsu.

Sammut sostna illi fil-PN bħalissa hemm klima negttiva fejn min jiftaħ ħalqu huwa msejjaħ traditur. “Ma nistax noqgħod nistenna lill-partit jieħu tkaxkira oħra u jekk tgħallimt xi ħaġa f’dan il-partit kienu dejjem l-irġulija u d-diċenza.” Kien hawn li Sammut sostna illi d-diċenza titlob li dan ir-riżultat ikisser il-mandat lit-tmexxija tal-PN.

Hu qal li l-agħar ħaġa li tista’ ssir hija li l-partit jirrifjuta li jaċċetta r-realtà. “Din hija l-ewwel darba li l-partit ma żammx il-voti ta’ dawk li dejjem ivvutawlu u l-ewwel darba li tilef b’distakk ta’ 16%."

“Is-surveys kellhom raġun! Ma noqogħdux nippruvaw ngħattu x-xemx bl-għarbiel. Huwa insult li nippruvaw inpinġu dan ir-riżultat bħala suċċess meta mqabbel mas-surveys,” saħaq Sammut f’referenza indiretta għal Clyde Puli.

“Huwa insult li nifirħu illi aħna t-tieni l-akbar partit. Irridu nieqfu ngħaddu lin-nies biż-żmien.”

Huwa temm jgħid li l-PN jeħtieġ joħroġ mis-sitwazzjoni li jinsab fiha sabiex dawk li jridu jibnu l-partit mill-ġdid jersqu ’l quddiem.

 

More in Politika