Il-PN se jbigħ il-każin ta' Birżebbuġa ... minfloku blokka appartamenti

Il-Partit Nazzjonalista se jbigħ il-każin ta' Birżebbuġa, Clyde Puli jikkonferma

Il-każin tal-Pn f'Birżebbuġa | Ritratt ta' James Bianchi
Il-każin tal-Pn f'Birżebbuġa | Ritratt ta' James Bianchi

Hekk kif bħalissa l-PN għaddej minn żmien diffiċli mill-ġdid, b'riżenji li issa diġa qed jgħoddu għal tnejn fl-ewwel ġimgħa wara l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, jirriżulta li l-istess partit se jkun qed ibigħ il-każin tiegħu ta' Birżebbuġa. 

Il-każin, li għal snin twal tħalla fi stat ħażin ħafna mill-istess partit, se jkun qed jinbidel fi blokka appartamenti u ħanut fil-livell ta' isfel. Ikkuntattjat minn dan is-sit is-Segretarju Ġenerali tal-PN Clyde Puli kkonferma dan il-bejgħ għalkemm qal illi dan il-każin kien diġa fuq il-lista ta' każini għall-bejgħ minn qabel. Hu kkonferma wkoll li l-PN se jkun qed ifittex post ieħor fil-lokalità ta' Birżebbuġa għall-każin.

Il-bejgħ tal-każin ta' Birżebbuġa jiġi wara bejgħ ta' każini oħrajn matul l-aħħar snin fosthom il-każin ta' San Ġiljan, Ħal Għaxaq u Fleur De Lys. 

Dan il-bejgħ qed isir hekk kif huwa mifhum li l-Partit Nazzjonalista għandu dejn li jlaħħaq il-miljuni. Bosta każini, anke tal-Partit Laburista, qed isiru ristoranti wkoll biex ikun massimizzat l-ispazju f'termini finanzjarji.

F'Birżebbuġa l-Partit Nazzjonalista għadu kif reġa kellu riżultat diżappuntanti hekk kif naqqas 6.1% u kiseb biss 24% tal-voti. Il-Partit Laburista, minn naħa l-oħra kiseb 76% tal-voti Birżebbuġin.

 

 

More in Politika