L-MIA naqqset il-gassijiet serra b'12% matul l-2018

L-Ajruport Internazzjonali ta' Malta b'aktar minn 8,800 siegħa ta’ taħriġ u fokus fuq is-saħħa mental

Il-Ajruport Internazzjonali ta' Malta
Il-Ajruport Internazzjonali ta' Malta

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ppubblika r-raba’ rapport dwar is-sostenibbiltà tiegħu nhar l-Erbgħa, fil-Jum Dinji tal-Ambjent.

Filwaqt li r-rapport ma jiffokax esklużivament fuq l-inizjattivi tal-kumpanija mmirati lejn il-ħarsien tal-ambjent, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta huwa partikolarment sodisfatt li, is-sena li għaddiet, irnexxielu jikseb żewġ miri ambjentali importanti. Ir-rapport, li huwa konformi mal-linji gwida tal-Global Reporting Initiative (GRI), żvela li fl2018, il-kumpanija naqqset l-intensità tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett serra (GHG) tagħha bi 12% biex b’hekk dawn niżlu għal 0.92 kg ta’ diossidu tal-karbonju għal kull passiġġier. Barra minn hekk, il-kumpanija rrapportat ukoll li l-konsum tal-ilma tagħha naqas bi 11.6% fl-2018. Dan it-tnaqqis irriżulta prinċipalment mit-teħid ta’ miżuri favur l-ambjent inklużi linstallazzjoni ta’ sistemi ta’ iġjene aktar effiċjenti u l-introduzzjoni ta’ tidwil u sistemi tal-arja kkundizzjonata li huma effiċjenti fl-użu tal-enerġija.

Barra minn hekk, tul dawn l-aħħar tliet snin, il-kumpanija investiet ’il fuq minn miljun ewro f’pannelli fotovoltajċi u, bħalissa, tinsab fil-proċess li tiddetermina d-daqs tas-sistema fotovoltajka li jmiss li tiġi installata fl-ajruport. “Ir-rapport dwar is-sostenibbiltà sar eżerċizzju importanti li qed jgħinna nallinjaw dejjem aħjar il-prijoritajiet tagħna mal-valur tal-kumpanija tas-sostenibbiltà, biex b’hekk inkunu nistgħu nagħtu l-kontribut tagħna sabiex inħarsu l-pjaneta u nissalvagwardjaw l-interessi ta’ ġenerazzjonijiet preżenti u dawk futuri, filwaqt li fl-istess ħin nibqgħu noperaw b’mod profittabbli. Aħna nemmnu li nkunu nistgħu ngħidu li aħna organizzazzjoni responsabbli biss jekk nimmiraw li niġġestixxu l-impatti ambjentali, soċjali u ekonomiċi tagħna b’tali mod li jħalli l-ġid fil-komunità li fiha noperaw,” qal is-CEO tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta Alan Borg. Il-kumpanija kompliet ukoll bil-ħidma tagħha sabiex tkun soċjalment responsabbli billi, tul l-2018, prijoritizzat l-iżvilupp professjonali u l-benesseri tal-impjegati tagħha permezz ta’ aktar minn 8,800 siegħa ta’ taħriġ u fokus aħjar fuq is-saħħa mentali. L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta appoġġja wkoll diversi proġetti u inizjattivi li ttieħdu fil-komunità lokali, bl-investimenti komunitarji għall-2018 ilaħħqu aktar minn €300,000. 

More in Politika