IIllum jitfakkar il-100 Anniversarju mill-Irvellijiet tas-Sette Giugno

Il-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali organizzat sensiela ta’ avvenimenti biex tfakkar dan l-avveniment li seħħ bħal-lum fl-1919

Il-monumentr tas-Sette Giugno
Il-monumentr tas-Sette Giugno

Il-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali organizzat sensiela ta’ avvenimenti biex tfakkar il-100 Anniversarju mill-Irvellijiet tas-Sette Giugno, li żvolġew fis-7 ta’ Ġunju tal-1919.

Fosthom kien hemm il-preżentazzjoni ta’ ktieb kommemorattiv lill-Prim Ministru Dr Joseph Muscat, fl-4 ta’ Ġunju f’Kastilja, segwit minn Simpożju dwar is-Sette Giugno li ttella’ f’Kastilja wkoll; kif ukoll il-preżentazzjoni tal-ktieb kommemorattiv lill-E.T. Il-President ta’ Malta Dr George Vella fil-Palazz tal-President fil-Belt Valletta fis-6 ta’ Ġunju.

Il-ktieb, li jismu ‘Sette Giugno, Ċentinarju – L-Ewwel Pass Lejn Stat Sovran’, huwa ġabra ta’ kitbiet tassew oriġinali u riflessjonijiet mill-pinna ta’ ħassieba ewlenin u esperti dwar l-istorja ta’ art twelidna u missirijietna. Ippubblikat mill-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali il-ktieb jinkludi kontribuzzjonijiet mis-Sur Aleks Farrugia, Prof. Dominic Fenech, is-Sur Frans Galea, Prof. George Cassar, Prof. Godfrey Pirotta, Prof. Kevin Aquilina, Rev. Dr. Mark Montebello, is-Sur Mark Camilleri, Prof. Oliver Friggieri, Prof. Paul Bartolo, is-Sur Peter Cassar Torreggiani, Prof. Raymond Mangion, Dr Tonio Borg, u l-President Emeritu l-E.T. Dr Ugo Mifsud Bonnici.

Fid-daħla tal-ktieb, l-editur Raymond Mangion josserva li “Il-Prim Ministru Dr Joseph Muscat jgħid li l-importanza ta’ dan il-ktieb toħroġ mill-fatt li m’għad hawn ħadd ħaj illum li jiftakar il-ġrajjiet tas-Sette Giugno; ġrajjiet li għalihom missirijietna ħallsu b’ħajjithom. Kull pass, avvanz u ostaklu fil-mixja tagħna lejn il-kisba tal-Indipendenza, ir-Repubblika u l-Ħelsien sħiħ jaf il-bidu tiegħu fis-7 u t-8 ta’ Ġunju tal-1919.”

'Sette Giugno, Ċentinarju – L-Ewwel Pass Lejn Stat Sovran’ għandu jkun siewi immens għal riċerkaturi, studjużi u membri tal-pubbliku ġenerali li qed ifittxu informazzjoni ġdida dwar l-iżvilupp politiko-kostituzzjonali u soċjo-ekonomiku tas-soċjetà tagħna. Il-ktieb se jkun disponibbli fil-libreriji pubbliċi kollha, skejjel u kunsilli lokali mill-14 ta’ Ġunju 2019.

More in Politika