L-għaqda Repubblika qalet illi sakemm il-Ministri Chrs Cardona, Edward Scicluna u Konrad Mizzi jgħidu minn fejn ġabu kwotazzjonijiet diretti mir-rapport tal-Maġistrat Aaron Bugeja, "hemm is-suspett serju li l-Prim Ministru ħa ġurament falz u gideb fuq il-pedana tax-xhieda meta qal li r-rapport Egrant m’għaddih lil ħadd ħlief lill-persuni li indika hu stess. U li ma kinux jinkludu lil Edward Scicluna, Konrad Mizzi u Chris Cardona."
Repubblika fakkret illi l-Maġistrat Claire Stafrace Zammit f’digriet qalet li ma tistax tisforza lill-Ministri Edward Scicluna, Konrad Mizzi u Chris Cardona jgħidu minn fejn ġabu l-kwotazzjoni diretta mir-rapport sigriet tal-inkjesta Egrant. Dan għax qorti ma tistax tisforza lil ħadd jgħid xi ħaġa li biha jista’ jinkrimina ruħu.
"Il-Maġistrat sejjħet din is-sitwazzjoni bħala li “tista’ tkun serja ħafna” u lmentat li l-Ministri kienu “evażivi ħafna”."
"Il-Prim Ministru Joseph Muscat għandu jneħħi dan id-dell minn fuqu immedjatament, " issostni l-istqarrija, "billi jordna lill-Ministri tiegħu jgħidu minn fejn ġabu din il-kwotazzjoni. Il-persuni li kisru sigriet serju ħafna tal-proċess kriminali f’Malta għandhom jieħdu li ħaqqhom. Inkella tibqa’ l-impressjoni li f’Malta l-liġijiet kriminali ma jgħoddux għal Joseph Muscat u l-ħbieb tiegħu."
"Jekk ma jagħmilx hekk, il-konklużjoni loġika hi li l-Prim Ministru Joseph Muscat ħalef falz fil-qorti," allegat Repubblika."