Inawgurat xogħol ta' rinovar f'disa' housing estates fiż-Żejtun
Minn dawn ix-xogħlijiet ibbenefikaw xejn inqas minn 60 familja
More in Politika
Minn dawn ix-xogħlijiet ibbenefikaw xejn inqas minn 60 familja
Is-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes żar ix-xogħlijiet ta' rinnovar u manutenzjoni li saru f'disa' housing estates f’Ħal Tmiem fiż-Żejtun.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari saħaq li minn dawn ix-xogħlijiet, li saru b'investiment ta' €175,000, ibbenefikaw 60 familja.
“B’dan il-pjan ta’ riġenerazzjoni ta’ housing estates qed naċċertaw li r-residenti jgħixu f’binjiet aktar siguri, moderni u aċċessibli. Fuq kollox, nipprovdu housing kif jixraq lil min tassew għandu bżonn,” spjega Galdes.
Ix-xogħlijiet li saru jinkludu rinnovar tat-taraġ tal-komun, xogħlijiet strutturali fuq is-soqfa, bdil ta’ aperturi u materjal li ddeterjora maż-żmien, tindif tal-bjut u waterproofing, tneħħija ta’ materjal ta’ asbestos, u tiswijiet ta’ konkrit fejn neċessarju.
Uħud mill-blokok raw ukoll titjib fl-aċċessibiltà permezz ta’ installazzjoni ta’ lifts ġodda.