Minkejja l-aħħar jumejn ta’ laqgħat u anke sagħtejn ta’ riflessjoni, il-President Taljan Sergio Mattarella għadu ma wasal għall-ebda deċiżjoni dwar it-triq ‘il quddiem biex tkun riżolta l-kriżi politika li nqalgħet fl-Italja.
“Il-kriżi trid tkun solvuta b’deċiżjonijiet ċari u f’temp qasir,” saħaq Mattarella waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha spjega kif diversi forzi politiċi talbuh ftit aktar ċans.
Kien għalhekk li Mattarella saħaq li se jagħtihom ċans sat-Tnejn li ġej u mit-Tlieta se jkun qed jibda konsultazzjonijiet ġodda.
Hu mifhum li bħalissa għaddejin diskussjonijiet bejn il-Partit Demokratiku u l-Movimento Cinque Stelle bit-tentattiv li jaqblu fuq programm u jiffurmaw Gvern ta’ koalizzjoni.
“Huwa possibbli biss Gvern li għandu l-fiduċja tal-Parlament, bi ftehim bejn il-gruppi fuq programm. Jekk dawn il-kundizzjonijiet ikunu nieqsa, l-uniku triq li jkun għad fadal hija l-elezzjoni,” saħaq Mattarella.
Kompla jisħaq li għalhekk Zingaretti u Di Maio għandhom jaħdmu biex tittieħed deċiżjoni ċara u soda malajr kemm jista’ jkun.
Insista maż-żewġ mexxejja li jekk jiddeċiedu fuq Gvern, sat-Tlieta jrid li jkollu l-isem tal-Prim Ministru li jkunu qed jipproponu.