L-AFM isalva 13,353 persuna mill-baħar f’484 operazzjoni ta’ salvataġġ mill-2013 sal-lum

... u mijiet oħrajn li sabu ruħhom fi problemi fuq il-baħar f'aktar minn 480 operazzjoni. Ftit aktar minn 2,500 ġew salvati mill-P52, id-dgħajsa li l-ekwipaġġ tagħha qed ikun investigat kriminalment wara talba minn Repubblika

Ċifri li għandha f’idejha l-gazzetta ILLUM jikkonfermaw li mill-2013 ‘l hawn, il-Forzi Armati ta’ Malta wettqu 484 operazzjoni ta’ salvataġġ li minnhom kienu salvati 13,353 persuna minn fuq il-baħar.

Minn 13,353  persuna minn fuq il-baħar, 12,940 kienu immigranti rregolari, 65 kienu baħrin jew ħaddiema li jaħdmu fuq il-baħar, 311 kienu nies pajżana u kien hemm 37 sajjied.

Minn fost dawn in-numri kollha l-patrol boat P52 u l-ekwipaġġ tagħha, li bħalissa jinsabu f'nofs kontroversja, salvaw 2,547 persuna waħidhom mill-2013 sal-lum.

Tabella sena b’sena tas-salvataġġi li saru mill-2013 ‘l hawn tindika dawn l-operazzjonijiet ta’ salvataġġ li wettqu l-Forzi Armati ta’ Malta.

Tabellla li turi kemm ġew salvati immigranti sena b'sena mill-2013
Tabellla li turi kemm ġew salvati immigranti sena b'sena mill-2013


Kmieni din il-ġimgħa, Jason Azzopardi,  Paul Borg Olivier u Andrew Borg Cardona - ilkoll bħala avukati u f’isem Repubblika -  għamlu denunzja quddiem il-Kummissarju tal-Pulizija illi  fiha talbu li jkunu investigati kriminalment il-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta partikolarment dawk li jaħdmu fuq il-Patrol Boat P52, li ġew akkużati bi qtil volontaru. Magħhom il-Kelliem għall-Ġustizzja qed jitlob li jkunu investigati l-Prim Ministru Robert Abela u l-Brigadier Jeffrey Curmi.
Dwar dan il-Prim Ministru Robert Abela f'konferenza tal-Aħbarijiet nhar il-Ġimgħa li għadda  qal li mar huwa stess għand il-Kummissarju tal-Pulizija sabiex isiru l-investigazzjonijiet li hemm bżonn li jsiru, inkluż fuqu.

Il-Prim Ministru dwar dan saħaq li “l-akkuża li għamlu l-imsemmi kelliem tal-Oppożizzjoni flimkien ma’ Repubblika hi waħda mill-aktar serja, li l-Armata ta’ pajjiżna wettqet l-omiċidju jiġifieri l-qtil volontarju ta’ numru ta’ immigranti fuq il-baħar billi ma salvathomx.”
Abela spjega kif dan ifisser li l-11-il membru tal-ekwipaġġ tal-P52 u l-Brigadier, ilkoll speċjalizzati fil-ħidma tagħhom, issa se jibdew jiġu investigati fuq qtil volontarju ta’ numru ta’ immigranti irregolari, b’mod li ġew sfukati mill-ħidma kbira li kienu qed iwettqu b’risq il-poplu Għawdxi u Malti.

“Flok sellimnielhom ta’ kemm issugraw ħajjithom għalina, anke mijiet ta’ mili ’l bogħod minn xtutna, hemm min irid jixħethom il-ħabs. Iddispjaċut għaliex bl-azzjoni li wettqu Jason Azzopardi u Repubblika, ser ikomplu jnaqqsu mir-riżorsi limitati li bħalissa għandna fuq il-baħar, u jaqtgħu qalb il-forzi tal-ordni," qal Abela.

Ara hawnhekk l-Editorjal tal-gazzetta ILLUM li jitkellem dwar dawn iċ-ċifri kif ukoll il-bżonn li dejjem jitħares l-interess taħ-żgħir u l-batut u allura ma jintilfu l-ebda ħajjiet taħt ebda ċirkostanza.

Repubblika twieġeb:  Il-Liġi l-istess għal kulħadd

Fi stqarrija lbieraħ Repubblika fakkret li nhar id-9 ta’ April 2020 l-NGO Alarm Phone xandret recording ta’ passiġġier fuq dgħajsa tal-migranti jgħid li membru jew membri tal-ekwipaġġ tal-patrol boat tal-Forzi Armati P52 qata’ l-cable tal-mutur tad-dgħajsa u l-patrol boat telqet minn fuq il-post.

"Din hija allegazzjoni serja ħafna," sostniet l-għaqda.  "Din hija allegazzjoni ta’ att ta’ sabutaġġ fuq opra tal-baħar fejn 70 ruħ jitħallew bejn sema u ilma b’dgħajsa b’mutur imkisser b’riskju ċar ta’ mewt.  Sal-lum, disat ijiem wara, la l-gvern u lanqas l-armata ma ċaħdu li dan l-inċident seħħ."

Repubblika tfakkar li huwa f'dan l-ambitu illi talbet lill-pulizija jinvestigaw jekk dawn l-imwiet humiex konsegwenza tad-deċiżjonijiet tal-Prim Ministru u tal-Kmandant tal-Armata.

"Jekk dan hu l-każ il-persuni li ħadu d-deċiżjonijiet li kienu jafu li dawn jistgħu jfissru l-qtil ta’ persuni oħra għandhom jerfgħu r-responsabbiltà. Il-liġi hi l-istess għal kulħadd."

Din il-kontroversja inqalgħet fid-dawl tal-fatt li l-Gvern Malti għalaq il-portijiet għall-immigranti għax qal li Malta m'għadhiex sigura minħabba t-tixrid tal-Covid-19.
F'kummenti lil Newsbook Jason Azzopardi sostna li f’demokrazija il-Prim Ministru ma jattakkax avukat.

“Jien avukat. Ma nikkummentax dwar ix-xogħol professjonali tiegħi. Imkien fid-dinja demokratika ma jkun hemm partit fil-gvern, jew agħar, il-Prim Ministru, li joħorġu attakki kontra l-avukat ta’ klijent li jkun fetaħ azzjoni kontrih jew kontra l-Gvern tiegħu. Dan isir biss bħala intimidazzjoni u huwa sinjal ta’ reġimi totalitarji," qal Azzopardi.

Fl-istess waqt li kien hawn dawn id-dikjarazzjonijiet il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia żar il-Forzi Armati ta’ Malta fejn iddeskriva lis-suldati bħala t-tarka tal-pajjiż. Delia kien ikkritikat ukoll mill-Għaqda Repubblika fl-istqarrija tagħhom ta’ nhar il-Ġimgħa.

More in Politika