Immigranti li kienu ilhom jum jipprotestaw fuq il-Captain Morgan iddaħħlu pajjiżna b'ordni tal-Gvern hekk kif is-sitwazzjoni fuq il-bastiment iggravat sew. Il-Gvern qal li se jibdew diskussjonijiet dwar rilokazzjoni ta' dawn l-immigranti.
Aktar Qabel: Immigranti li ilhom ġimgħat fuq il-vapur Europa II għamlu protesta fuq dan l-istess bastiment, b'dan is-sit mgħarraf li f'punt minnhom xi immigranti allegatament ħabtu għall-ħaddiema fuq il-vapur. L-immigranti ilhom fuq il-bastimenti ġimgħat hekk kif il-Gvern Malti qed jibqa' jirrifjuta li jdaħħal aktar immigranti u minflok qed iżommhom fuq bastimenti li normalment jintużaw mit-turisti. L-uniċi nies li qed jitħallew jiddaħħlu huma dawk morda, tfal, nisa u nisa tqal.
Minħabba dan l-inċident il-vapur bl-immigranti se jkollu jiddaħħal fil-bajja tal-Ħofriet f'Delimara. Jidher li dan sar biex jinbidel l-ekwipaġġ - għalkemm x'se jiġri eżatt għadu mhux magħruf bis-sitwazzjoni deskritta 'fluwida ħafna'.
Mill-aħħar informazzjoni li qed tasal għand dan is-sit jidher li din il-protesta eskalat fl-aħħar sigħat, b'sorsi jgħidu illi l-immigranti ħadu l-kontroll ta' partijiet mill-bastiment, inkluż il-kċina, għalkemm mhux qed iżommu lill-ħaddiema ostaġġi. Sa issa l-armata li tinsab viċin għadha ma intervjenietx.
L-immigranti fuq dan il-vapur kienu salvati bejn it-30 ta' April u s-7 ta' Mejju, bil-Gvern Malti jittrasferixxi 57 immigrant salvati minn dgħajsa tas-sajd għal fuq l-Europa II, bastiment tal-Captain Morgan Cruises Ltd.
Jidher, mill-istess sorsi li tkellmu ma' dan is-sit, illi ma kinx hemm problemi bejn l-immigranti u l-ħaddiema. Iżda l-baħar imqalleb, il-mard li dan wassal għalih u l-fatt li ilhom xahar fuq il-baħar irriżulta fl-aħħar żviluppi.
(Aktar informazjoni malli taslilna)