'Jiddispjaċini li fil-Baġit Robert Abela nesa lill-frontliners' - Bernard Grech
Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN żar lill-frontliners quddiem l-isptar Mater Dei
More in Politika
Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN żar lill-frontliners quddiem l-isptar Mater Dei
“Huwa ta’ dispjaċir għalija li fil-baġit li għadu kif tressaq Robert Abela nesa kompletament lill-frontliners li kienu u għadhom quddiem nett fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19.”
Hekk saħaq il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt żjara li għamel lill-frontliners quddiem id-Dipartiment tal-Emerġenza f’Mater Dei.
Fil-kummenti tiegħu, Grech irringrazzja lill-frontliners għall-ħidma kontinwa tagħhom li ddeskriviha bħala waħda straordinjarja u dan ħafna drabi seħħ b’sagrifiċċju kbir, ukoll personali u anke ġieli ‘l bogħod mill-familji tagħhom.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li sfortunatament il-Gvern Laburista ma rrikonoxxiex din il-ħidma fil-baġit li ressaq ilbieraħ u l-frontliners minflok nesiehom.
“Dan meta l-Prim Ministru kellu r-responsabbiltà li jserraħ ras il-ħaddiema li jaħdmu fis-settur tas-saħħa li huma l-iktar milquta mill-imxija tal-virus. Robert Abela lanqas ma serraħ moħħ il-Maltin u l-Għawdxin li jinsabu ferm inkwetati bil-pandemija, bin-numru tal-imwiet li sfortunatament qegħdin jiżdiedu,” insista Grech.
Huwa qal li din il-laqgħa hija parti mill-ħidma li l-Partit Nazzjonalista qed iwettaq permezz tat-Tim t’Azzjoni, li hu nieda u li qed imexxi, fil-ħidma kontra l-pandemija.
Tenna l-pożizzjoni tal-PN li d-deċiżjonijiet relatati mal-imxija tal-virus għandhom ikunu f’idejn is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci u mhux jittieħdu minn Robert Abela, li fi kliemu, “qiegħed ixekkel ix-xogħol li qed isir mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.”
Matul din iż-żjara f’Mater Dei, l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kien akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri.