Proġett ta' estensjoni tal-bini tal-Qorti se jfisser erba' awli ġodda
Qal dan il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis waqt konferenza tal-aħbarijiet
minn Yendrick Cioffi
Fil-ġimgħat li ġejjin, il-Ministeru għall-Ġustizzja se jkun qed iħabbar proġett ta’ estensjoni tal-bini tal-Qorti li se jkun qed isir b’investiment ta’ €2.2.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar il-Baġit. Huwa spjega li dan se jkun qed jara l-bini tal-Qorti jiġi estiż b’erba’ awli ġodda u 20 uffiċċju ġdid.
“Dan kollu se jkun qed iwassal għal iktar effiċjenza fil-Qrati tagħna fejn anke l-ġudikanti u l-ħaddiema legali se jkollhom iktar spazju u faċilitajiet fejn jaħdmu,” insista l-Ministru.
Huwa kompla jagħti rendikont ta’ dak li wettaq il-Ministeru tiegħu fix-xhur li għaddew u kif se tkompli l-ħidma fil-ġimgħat li ġejjin.
Fakkar li l-Gvern saħħaħ l-uffiċji tal-Avukat tal-Istat u anke tal-Avukat Ġenerali fejn anke se jkunu qed joperaw minn binjiet akbar u aktar attrezzati.
Fil-fatt, fil-ġimgħat li għaddew ġie inawgurat l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali fi Triq in-Nofsinhar fejn issa se jkun qed isir reklutaġġ ta’ 20 Avukat ġdid f’dan l-uffiċċju.
“Fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin se nkunu qed niftħu wkoll l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat, binja oħra rrestawrata u iktar atrezzata bil-għan li dawn il-ħaddiema jkollhom ambjent isbaħ u faċilitajiet aqwa fejn jaħdmu. Hawn ukoll qed isir investiment kbir, bl-ingaġġ ta’ għadd ta’ Avukati ġodda,” insista l-Ministru.
Apparti minn hekk se jkun imniedi proġett iffinanzjat mill-SRSS taħt id-direzzjoni tal-Bank Dinji, li ser iwassal sabiex isir tfassil tal-istrutturi interni, proċeduri amministrattivi u organizzazzjoni tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat.
Ġudikatura
Dwar il-ġudikatura, il-Ministru fakkar li ressaq emenda fil-liġi li se tkun qed testendi l-età tal-irtirar tal-Imħallfin u l-Maġistrati, kif ukoll ħatriet ġodda fil-bank tal-Ġudikatura.
Fil-fatt qed ikun propost illi kull ġudikant, kemm jekk Imħallef jew Maġistrat sedenti jew f’ħatra ġdida, jagħżel hu/hi jibqax fil-kariga sa meta jilħaq l-età ta’ 68 sena.
Qorti tal-Appell
Kompla jitkellem dwar il-Qorti tal-Appell u fakkar li l-Ministeru mmexxi minnu ressaq abbozz ta’ liġi bil-għan li jitnaqqas ix-xogħol pendenti quddiem il-Qorti tal-Appell. Dan se jkun qed jipprovdi l-possibilità li l-Qorti tal-Appell tagħti seduti biss f’dawk il-każijiet fejn tqis li dan u meħtieġ.
L-abbozz jipprovdi wkoll terminu ta’ żmien imnaqqas għall-ħlas tas-sigurtà għall-ispejjeż fir-rigward tal-appelli. Meta tali garanzija ma tkunx ipprovduta fil-ħin, l-appell jaqa’.
Zammit Lewis fakkar li din ir-riformi tinkludi wkoll limitu ta’ żmien itwal għall-preżentazzjoni ta’ appelli u tweġibiet u b’hekk se jkun jista’ jippermetti li dawn l-atti bil-miktub ikunu ppreparati aħjar.
Vjolenza Domestika
Il-Ministru Zammit Lewis tkellem ukoll dwar il-vjolenza domestika u insista li l-Minsteru se jkun qed iniedi proġett ta’ riċerka b'kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Ġustizzja u l-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika bil-għan li jkunu msaħħa s-servizz lill-vittmi tal-vjolenza domestika .
“Ser iniedu wkoll programm ta’ taħriġ għall-professjonisti li jaħdmu fil-qasam tal-vjolenza domestika u vjolenza sesswali,” kompla l-Ministru.
Riformi Kostituzzjonali u Istituzzjonali
Fost suġġetti oħra, il-Ministru fakkar li l-Gvern lesta l-ewwel sett ta’ sitt riformi minn pakkett ta’ għaxra li huma bbażati fuq l-Opinjoni tal-Kummissjoni Venezja ta’ Ġunju 2020.
Temm ifakkar li dawn jinkludu:
- Riforma fil-mod ta’ kif jinħatar il-President tar-Repubblika
- Riforma fil-mod ta’ kif jinħatar il-Prim Imħallef u l-Ġudikatura b’mod rispettiv
- Riforma fid-dixxiplina u t-tneħħija tal-Ġudikatura
- Riforma fl-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali
- Riforma fl-uffiċċju tal-Ombudsman, u
- Riforma fil-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni,
“Se nkomplu naħdmu biex inressqu l-aħħar erba’ abbozzi ta’ liġi biex jgħaddu mill-proċess parlamentari biex b’hekk inkunu għalaqna l-ewwel sett ta’ riformi Istituzzjonali u Kostituzzjonali l-aktar kruċjali, biex imbagħad jitkomplew id-diskussjonijiet fil-Konvenzjoni Kostituzzjonali li qed imexxi l-President tar-Repubblika,” temm jgħid il-Ministru.